Skrittura
Moroni 6


Kapitlu 6

Dawk li jindmu jiġu mgħammdin u milqugħin fil-knisja—Il-membri tal-knisja li jindmu jiksbu l-maħfra—Il-laqgħat jiġu mmexxija bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Madwar A.D. 401–421.

1 U issa se nitkellem dwar il-magħmudija. Araw, il-presbiteri, il-qassisin u l-għalliema ġew mgħammdin; u huma ma ġewx mgħammdin qabel ma l-ewwel ipproduċew il-frott u b’hekk urew li kienu denji li jitgħammdu.

2 U lanqas ma laqgħu għandhom nies għall-magħmudija jekk huma ma marrux quddiemhom b’qalb maqsuma u spirtu niedem, u jekk huma ma tawx xhieda quddiem il-knisja li huma kienu nidmu tabilħaqq minn dnubiethom kollha.

3 U ma laqgħu l-ebda nies għandhom għall-magħmudija jekk huma ma ħadux fuhom isem Kristu, u wrew determinazzjoni li kienu lesti jaqduh sat-tmiem.

4 U wara li huma ġew milqugħin biex jitgħammdu, u wara li ġew trasformati u mnaddfa bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, huma ġew magħduda fost il-poplu tal-knisja ta’ Kristu; u tteħdilhom isimhom, biex huma jkunu jistgħu jiġu mfakkra u mantnuti permezz tal-kelma t-tajba ta’ Alla, li żżommhom fit-triq it-tajba, u tfakkarhom biex huma dejjem ikunu lesti li jitolbu, u li għandhom jiddependu biss fuq il-merti ta’ Kristu, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħhom.

5 U l-knisja bdiet tiltaqa’ flimkien ta’ spiss, biex huma jsumu u jitolbu, u biex jitkellmu bejniethom dwar il-ġid ta’ ruħhom.

6 U bdew jiltaqgħu flimkien ta’ spiss biex jieħdu l-ħobż u l-inbid, b’tifkira tal-Mulej Ġesù.

7 U bdew joqogħdu attenti ħafna li jaraw illi fosthom ma jkun hemm l-ebda ħażen; u dawk kollha li kienu jinstabu li wettqu xi ħażen, u tliet xhieda minn fost il-membri tal-knisja jsibuhom ħatja quddiem il-presbiteri, u huma jibqgħu ma jindmux, u ma jistqarrux dnubiethom, isimhom kien jitħassar, u ma jibqgħux jingħaddu aktar fost il-poplu ta’ Kristu.

8 Iżda kemm-il darba huma nidmu u fittxew li jiksbu l-maħfra, b’intenzjoni ġenwina, huma ġew maħfura.

9 U l-laqgħat tagħhom kienu jitmexxew mill-knisja skont kif jidderieġi l-Ispirtu, u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu; għax jekk il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu kienet turihom li għandhom ixandru, jew iħeġġu, jew jitolbu, jew jissupplikaw, jew jgħannu, hekk kien jiġri tabilħaqq.