Kapitlu 10
Tista’ tikseb xhieda tal‑Ktieb ta’ Mormon permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu—Il‑fidili jingħatawlhom id‑doni tal‑Ispirtu—Id‑doni spiritwali dejjem jakkumpanjaw il‑fidi—Kliem Moroni jinstama’ minn ġewwa t‑trab—Ersqu Lejn Kristu, siru perfetti fih, u qaddsu ruħkom. Madwar 421 W.K.
1 Issa jiena, Moroni, se nikteb xi ħaġa li nħoss li jkun tajjeb li niktibha; u se nikteb lil ħuti, il‑Lamaniti; u jien nixtieqkom tkunu tafu li issa għaddew aktar minn erba’ mija u għoxrin sena minn meta ngħata s‑sinjal tal‑miġja ta’ Kristu.
2 U jiena se nissiġilla dawn l‑annali, wara li ngħid ftit kliem ta’ nkuraġġiment.
3 Araw, jiena nħeġġiġkom biex meta intom taqraw dawn il‑ħwejjeġ, jekk ikun fl‑għerf t’Alla li intom taqrawhom, araw li tiftakru kemm kien ħanin il‑Mulej ma’ wlied il‑bnedmin, sa mill‑ħolqien ta’ Adam sewwasew saż‑żmien li fih intom tirċievu dawn il‑ħwejjeġ, u araw li tixtarru dan f’qalbkom.
4 U meta intom tirċievu dawn il‑ħwejjeġ, inħeġġiġkom sabiex tistaqsu ’l Alla, il‑Missier Etern, f’isem Ġesù Kristu, jekk dawn il‑ħwejjeġ humiex vera; u jekk intom tistaqsuh b’qalb sinċiera u b’intenzjoni ġenwina, u b’fidi fi Kristu, huwa jurikom il‑verità kollha, bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu.
5 U bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu tistgħu tkunu tafu l‑verità ta’ kollox.
6 U kull ħaġa tajba hija ġusta u vera; għalhekk, l‑ebda ħaġa tajba ma tiċħad lil Kristu, iżda tagħraf li hu tassew.
7 U intom tistgħu tkunu tafu li hu tassew, permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; għalhekk inħeġġiġkom sabiex ma tiċħdux il‑qawwa ta’ Alla; għax huwa jaħdem permezz tal‑qawwa, skont il‑fidi ta’ wlied il‑bnedmin, l‑istess illum u għada, u għal dejjem.
8 U għal darb’oħra nħeġġiġkom ħuti sabiex ma tiċħdux id‑doni ta’ Alla, għax huma bosta; u kollha ġejjin mill‑istess Alla. U hemm diversi modi kif jingħataw dawn id‑doni; iżda huwa l‑istess Alla li jaħdem f’kollox u f’kulħadd; u huma jingħataw lill‑bnedmin, permezz tal‑manifestazzjoni tal‑Ispirtu ta’ Alla, għall‑ġid tagħhom.
9 Għax araw, lil wieħed jingħatalu, permezz tal‑Ispirtu ta’ Alla, li jista’ jgħallem il‑kelma tal‑Għerf;
10 U lil ieħor, li jista’ jgħallem il‑kelma tas‑sapjenza mill‑istess Spirtu;
11 U lil ieħor, fidi mill‑aktar kbira u lil ieħor, id‑don tal‑fejqan mill‑istess Spirtu;
12 U għal darb’oħra, lil ieħor, li huwa jista’ jwettaq mirakli tal‑għaġeb;
13 U għal darb’oħra, lil ieħor, li huwa jista’ jħabbar dwar kull ħaġa;
14 U għal darb’oħra, lil ieħor, li jista’ jara l‑anġli u l‑ispirti qaddejja;
15 U għal darb’oħra, lil ieħor, kull tip ta’ ilsna;
16 U għal darb’oħra, lil ieħor, l‑interpretazzjoni tal‑lingwi u ta’ diversi tipi ta’ ilsna.
17 U dawn id‑doni kollha jingħataw mill‑Ispirtu ta’ Kristu; u huma jingħataw lil kull bniedem individwalment, skont kif jogħġob lilu.
18 U nħeġġiġkom, għeżież ħuti, sabiex tiftakru li kull don tajjeb ġej minn Kristu.
19 U nħeġġiġkom, għeżież ħuti, sabiex tiftakru li huwa l‑istess, fl‑imgħoddi, issa, u għal dejjem, u li dawn id‑doni kollha li jiena tkellimt dwarhom, liema doni huma spiritwali, ma jispiċċaw qatt, sewwasew sakemm iddum wieqfa d‑dinja, sakemm mhux minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tal‑bnedmin.
20 Għalhekk, jeħtieġ li jkollkom il‑fidi; u jekk ikollkom il‑fidi għandu jkollkom ukoll it‑tama; u jekk ikollkom it‑tama għandu jkollkom ukoll il‑karità.
21 U jekk m’għandkomx il‑karità, bl‑ebda mod ma tistgħu ssalvaw fis‑saltna ta’ Alla; u lanqas ma tistgħu ssalvaw fis‑saltna ta’ Alla jekk m’għandkomx il‑fidi; u lanqas ma tistgħu jekk m’għandkomx it‑tama.
22 U jekk m’għandkomx it‑tama żgur li intom tinsabu ddisprati u d‑disprament huwa riżultat tal‑ħażen.
23 U Kristu tassew qal lil missirijietna: Jekk intom għandkom il‑fidi tistgħu tagħmlu dak kollu li hu xieraq għalija.
24 U issa se nkellem lil kulħadd, minn tarf għall‑ieħor tal‑art—li jekk jasal il‑jum li fih il‑qawwa u d‑doni ta’ Alla ma jibqgħux aktar fostkom, dan ikun seħħ minħabba n‑nuqqas ta’ fidi.
25 U ħażin ikun għalihom ulied il‑bnedmin jekk jiġri dan; għax fostkom ma jkun għad baqa’ ħadd li jagħmel dak li hu sewwa, lanqas wieħed. Għax jekk ikun hemm wieħed fostkom li jagħmel dak li hu sewwa, huwa jaġixxi permezz tal‑qawwa u d‑doni ta’ Alla.
26 U ħażin għalihom dawk li jieqfu jagħmlu dawn il‑ħwejjeġ u jmutu, għax huma jmutu fi dnubiethom, u ma jkunux jistgħu jiksbu s‑salvazzjoni fis‑saltna ta’ Alla; u jien qed ngħid dan skont kliem Kristu; u jien ma ngħidx kelma b’oħra.
27 U jiena nħeġġiġkom biex tiftakru dawn il‑ħwejjeġ; għax ma jdumx ma jasal iż‑żmien meta intom issiru tafu li jien ma ngħidx kelma b’oħra, għax intom lili għad tarawni ħdejn l‑iżbarra ta’ Alla; u l‑Mulej Alla jgħidilkom: Jien lilkom ma xandartilkomx kliemi, li ġie miktub minn dan ir‑raġel, bħal wieħed jgħajjat mill‑imwiet, iva, sewwasew bħal wieħed jitkellem minn ġot‑trab?
28 Jiena nxandar dawn il‑ħwejjeġ għat‑twettiq tal‑profeziji. U araw, huma se joħorġu minn fomm Alla ta’ dejjem; u kelmtu se tgħaddi b’qawwa minn nisel għal nisel.
29 U Alla sejjer jurikom li dak li jiena ktibt huwa veru.
30 U jiena għal darb’oħra nħeġġiġkom biex tersqu lejn Kristu, u tadottaw kull don tajjeb, u la tmissux doni ħżiena, jew ħwejjeġ imniġġsa.
31 Stenbaħ u qum mit‑trab, O Ġerusalemm; iva, u ilbes l‑ilbies sabiħ tiegħek, O bint Sijon; u saħħaħ il‑pali tiegħek u wessa’ l‑fruntieri tiegħek għal dejjem, sabiex inti qatt ma tkun umiljata aktar, biex il‑patti li l‑Missier Etern għamel miegħek, O dar ta’ Iżrael, ikunu jistgħu jiġu fis‑seħħ.
32 Iva, ersqu lejn Kristu, u siru perfetti fih, u ċċaħħdu minn kull ħażen; u jekk intom tiċċaħħdu minn kull ħażen, u tħobbu ’l Alla bil‑qawwa u bis‑saħħa tagħkom kollha, u b’moħħkom kollu, mbagħad il‑grazzja tiegħu tkun biżżejjed għalikom, biex bil‑grazzja tiegħu intom tkunu tistgħu ssiru perfetti fi Kristu; u jekk bil‑grazzja ta’ Alla intom issiru perfetti fi Kristu, intom bl‑ebda mod ma tiċħdu l‑qawwa ta’ Alla.
33 U għal darb’oħra, jekk bil‑grazzja ta’ Alla intom issiru perfetti fi Kristu, u ma tiċħdux il‑qawwa tiegħu, mbagħad intom titqaddsu fi Kristu bil‑grazzja ta’ Alla, permezz tad‑demm imxerred ta’ Kristu, li hu parti mill‑patt tal‑Missier għall‑maħfra ta’ dnubietkom, biex intom issiru nies qaddisa, mingħajr tebgħa.
34 U issa se ngħidilkom ilkoll, saħħa. Jiena dalwaqt se mmur nistrieħ fil‑ġenna ta’ Alla, sakemm l‑ispirtu u l‑ġisem tiegħi jerġgħu jingħaqdu flimkien mill‑ġdid, u b’mod trijonfanti minn nofs l‑arja jiena ninġieb sabiex magħkom niltaqa’ quddiem l‑iżbarra tal‑kbir Jaħweh, l‑Imħallef Etern, kemm tal‑ħajjin u kemm tal‑mejtin. Ammen.
Tmiem