Skrittura
Moroni 10


Kapitlu 10

Xhieda tal-Ktieb ta’ Mormon tista’ tiksibha permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu—Il-fidili jingħatawlhom id-doni tal-Ispirtu—Id-doni spiritwali dejjem jakkumpanjaw il-fidi—Kliem Moroni jinstama’ minn ġewwa t-trab—Ersqu Lejn Kristu, siru perfetti fih, u qaddsu lilkom infuskom. Madwar A.D. 421.

1 Issa jiena, Moroni, se nikteb xi ħaġa li nħoss li jkun tajjeb li niktibha; u se nikteb lil ħuti, il-Lamaniti; u nixtieqkom tkunu tafu li issa għaddew aktar minn erba’ mija u għoxrin sena minn meta ngħata s-sinjal tal-miġja ta’ Kristu.

2 U jiena se nissiġilla dawn l-annali, wara li ngħidilkom ftit kliem ta’ nkuraġġiment.

3 Araw, jiena nħeġġiġkom biex meta taqraw dawn il-ħwejjeġ, jekk ikun fl-għerf t’Alla li intom taqrawhom, araw li tiftakru kemm kien ħanin il-Mulej ma’ wlied il-bnedmin, sa mill-ħolqien ta’ Adam sewwasew saż-żmien li fih intom tirċievu dawn il-ħwejjeġ, u araw li tixtarruhom f’qalbkom.

4 U meta tirċievu dawn il-ħwejjeġ, inħeġġiġkom sabiex tistaqsu ’l Alla, il-Missier Etern, f’isem Ġesù Kristu, jekk dawn il-ħwejjeġ humiex vera; u jekk intom tistaqsuh b’qalb sinċiera u b’intenzjoni ġenwina, u b’fidi fi Kristu, huwa jurikom il-verità kollha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

5 U bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tistgħu tkunu tafu l-verità ta’ kollox.

6 U kull ħaġa li hi tajba hija ġusta u vera; għalhekk, l-ebda ħaġa tajba ma tiċħad lil Kristu, iżda tagħraf li hu hu.

7 U intom tistgħu tkunu tafu li hu hu, permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu; għalhekk inħeġġiġkom sabiex ma tiċħdux il-qawwa ta’ Alla; għax huwa jaħdem permezz tal-qawwa, skont il-fidi ta’ wlied il-bnedmin, l-istess illum u għada, u għal dejjem.

8 U għal darb’oħra nħeġġiġkom ħuti sabiex ma tiċħdux id-doni ta’ Alla, għax huma bosta; u kollha ġejjin mill-istess Alla. U hemm diversi modi kif dawn id-doni jingħataw; iżda huwa l-istess Alla li jaħdem f’kollox u f’kulħadd; u huma jingħataw lill-bnedmin, permezz tal-manifestazzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla, għall-ġid tagħhom.

9 Għax ara, lil wieħed jingħatalu, permezz tal-Ispirtu ta’ Alla, li jista’ jgħallem il-kelma tal-Għerf;

10 U lil ieħor, li jista’ jgħallem il-kelma tas-sapjenza permezz tal-istess Spirtu;

11 U lil ieħor, fidi mill-aktar kbira u lil ieħor, id-don tal-fejqan permezz tal-istess Spirtu;

12 U għal darb’oħra, lil ieħor, li huwa jista’ jwettaq mirakli tal-għaġeb;

13 U għal darb’oħra, lil ieħor, li huwa jista’ jħabbar dwar kull ħaġa;

14 U għal darb’oħra, lil ieħor, li jista’ jara l-anġli u l-ispirti qaddejja;

15 U għal darb’oħra, lil ieħor, kull tip ta’ ilsna;

16 U għal darb’oħra, lil ieħor, l-interpretazzjoni tal-lingwi u ta’ diversi tipi ta’ ilsna.

17 U dawn id-doni kollha jingħataw permezz tal-Ispirtu ta’ Kristu; u huma jingħataw lil kull bniedem individwalment, skont kif jogħġob lilu.

18 U nħeġġiġkom, għeżież ħuti, sabiex tiftakru li kull don tajjeb ġej minn Kristu.

19 U nħeġġiġkom, għeżież ħuti, sabiex tiftakru li huwa l-istess, fl-imgħoddi, issa, u għal dejjem, u li dawn id-doni kollha li jien tkellimt dwarhom, li huma spiritwali, mhuma se jispiċċaw qatt, sewwasew sakemm iddum wieqfa d-dinja, sakemm mhux minħabba n-nuqqas ta’ fidi tal-bnedmin.

20 Għalhekk, għandkom ikollkom il-fidi; u jekk għandkom ikollkom il-fidi għandkom ikollkom ukoll it-tama; u jekk għandkom ikollkom it-tama għandkom ikollkom ukoll il-karità.

21 U jekk m’għandkomx il-karità bl-ebda mod ma tistgħu ssalvaw fis-saltna ta’ Alla; lanqas ma tistgħu ssalvaw fis-saltna ta’ Alla jekk m’għandkomx fidi; lanqas ma tistgħu ssalvaw jekk m’għandkomx tama.

22 U jekk m’għandkomx it-tama bilfors li intom tinsabu ddisprati u d-disprament huwa riżultat tal-ħażen.

23 U Kristu tassew qal lil missirijietna: Jekk għandkom il-fidi tistgħu tagħmlu dak kollu li hu xieraq għalija.

24 U issa se nkellem lil kulħadd, minn tarf għall-ieħor tal-art—li jekk jasal fostkom il-jum li fih il-qawwa u d-doni ta’ Alla jieqfu, dan ikun seħħ minħabba n-nuqqas ta’ fidi.

25 U ħażin ikun għalihom ulied il-bnedmin jekk dan jiġi fis-seħħ; għax fostkom ma jkun għad baqa’ ħadd li jagħmel dak li hu sewwa, lanqas wieħed li hu wieħed. Għax jekk ikun hemm wieħed fostkom li jagħmel is-sewwa, huwa jaħdem permezz tal-qawwa u d-doni ta’ Alla.

26 U ħażin għalihom dawk li jieqfu jagħmlu dawn il-ħwejjeġ u jmutu, għax huma jmutu fi dnubiethom, u ma jistgħux jiksbu s-salvazzjoni fis-saltna ta’ Alla; u dan qed ngħidu skont kliem Kristu; u jien ma ngħidx kelma b’oħra.

27 U nħeġġiġkom biex tiftakru dawn il-ħwejjeġ; għax ma jdumx ma jasal iż-żmien meta intom issiru tafu li jien ma ngħidx kelma b’oħra, għax lili għad tarawni ħdejn l-iżbarra ta’ Alla; u l-Mulej Alla jgħidilkom: Jien ma xandartilkomx kliemi, li ġie miktub minn dan ir-raġel, bħal wieħed jgħajjat mill-imwiet, iva, sewwasew bħal wieħed jitkellem minn ġot-trab?

28 Jien inxandar dawn il-ħwejjeġ għat-twettiq tal-profeziji. U araw, minn fomm Alla ta’ dejjem għad joħorġu; u kelmtu se tgħaddi b’qawwa minn nisel għal nisel.

29 U Alla sejjer jurikom li dak li jiena ktibt huwa veru.

30 U jiena għal darb’oħra nħeġġiġkom biex tersqu lejn Kristu, u tħaddnu kull don tajjeb, u la tmissux doni ħżiena, jew ħwejjeġ imniġġsa.

31 Stenbaħ u qum mit-trab, O Ġerusalemm; iva, u ilbes l-ilbies sabiħ tiegħek, O bint Sijon; u waħħal tajjeb il-pali tiegħek u wessa’ l-fruntieri tiegħek għal dejjem, biex inti qatt ma tiġi umiljata aktar, ħalli l-patti li l-Missier Etern għamel miegħek, O dar ta’ Iżrael, ikunu jistgħu jiġu fis-seħħ.

32 Iva, ersqu lejn Kristu, siru perfetti fih, u ċċaħħdu minn kull ħażen; u jekk intom tiċċaħħdu minn kull ħażen, u tħobbu ’l Alla bil-qawwa u bis-saħħa tagħkom kollha, u b’moħħkom kollu, mbagħad il-grazzja tiegħu tkun biżżejjed għalikom, biex bil-grazzja tiegħu intom tistgħu tkunu perfetti fi Kristu; u jekk bil-grazzja ta’ Alla tkunu perfetti fi Kristu, intom bl-ebda mod ma tiċħdu l-qawwa ta’ Alla.

33 U għal darb’oħra, jekk bil-grazzja ta’ Alla intom tkunu perfetti fi Kristu, u ma tiċħdux il-qawwa tiegħu, mbagħad intom tkunu mqaddsa fi Kristu bil-grazzja ta’ Alla, permezz tad-demm imxerred ta’ Kristu, li jagħmel parti mill-patt tal-Missier għall-maħfra ta’ dnubietkom, biex intom issiru qaddisa, mingħajr tebgħa.

34 U issa se ngħidilkom ilkoll, saħħa. Jiena dalwaqt se mmur nistrieħ fil-ġenna ta’ Alla, sakemm l-ispirtu tiegħi u l-ġisem tiegħi jerġgħu jingħaqdu mill-ġdid, u b’mod trijonfanti mill-arja ninġieb sabiex magħkom jiena niltaqa’ quddiem l-iżbarra tal-kbir Jaħweh, l-Imħallef Etern, kemm tal-ħajjin kif ukoll tal-mejtin. Ammen.

Tmiem