Skrittura
Ġarom 1


Il‑Ktieb ta’ Ġarom

Kapitlu 1

In‑Nefiti jħarsu l‑liġi ta’ Mosè, iħarsu ’l quddiem lejn il‑miġja ta’ Kristu, u jkollkom ir‑risq f’arthom—Ħafna profeti jaħdmu biex iżommu lill‑poplu fit‑triq tal‑verità. Madwar 399–361 Q.K.

1 Issa araw, jiena, Ġarom, se nikteb ftit kliem skont il‑kmandament ta’ missieri, Enos, ħalli jkun jista’ jinżamm l‑arblu tar‑razza tagħna.

2 U peress li dawn il‑pjanċi huma żgħar, u għax dawn il‑ħwejjeġ huma miktubin bil‑għan li jkunu ta’ benefiċċju għal ħutna l‑Lamaniti, għalhekk, jeħtieġ li nikteb biss ftit; imma m’iniex se jikteb dwar il‑profezija tiegħi, lanqas dwar ir‑rivelazzjonijiet tiegħi. Għax x’nista’ nikteb aktar milli kitbu missirijieti? Għax ma żvelawx huma l‑pjan tas‑salvazzjoni? Jien ngħidilkom, Iva; u dan għalija biżżejjed.

3 Araw, hemm bżonn li titwettaq ħidma kbira fost dan il‑poplu, minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom, u t‑truxija ta’ widnejhom, u l‑għama ta’ moħħhom, u l‑ebusija ta’ rashom; madankollu, Alla huwa mill‑aktar ħanin magħhom, u s’issa għadu ma qeridhomx minn wiċċ l‑art.

4 U fostna hawn ħafna li rċevew bosta rivelazzjonijiet, għax mhumiex kollha rashom iebsa. U dawk kollha li mhumiex rashom iebsa u għandhom il‑fidi, dawn għandhom rabta mill‑qrib mal‑Ispirtu s‑Santu, li juri dak li hu fil‑moħbi lil ulied il‑bnedmin, skont il‑fidi tagħhom.

5 U issa, araw, għaddew mitejn sena, u l‑poplu ta’ Nefi sar poplu mill‑aktar b’saħħtu fil‑pajjiż. Huma raw li jħarsu l‑liġi ta’ Mosè u jqaddsu jum is‑sibt lill‑Mulej. Huma la jitkellmu b’mod profan; u lanqas ma jidgħu. U l‑liġijiet tal‑art kienu mill‑aktar stretti.

6 U huma kienu jinsabu mxerrdin mal‑parti l‑kbira ta’ wiċċ l‑art, u l‑istess il‑Lamaniti. U huma kienu ferm aktar numerużi milli kienu dawk li huma man‑Nefiti; u huma kienu jħobbu l‑qtil u jixorbu demm il‑bhejjem.

7 U ġara li huma ġew diversi drabi biex jeħduha magħna, in‑Nefiti, biex jiġġieldu kontrina. Iżda s‑slaten tagħna u l‑mexxejja tagħna kienu rġiel mill‑aktar qalbiena fil‑fidi tal‑Mulej; u huma għallmu lill‑poplu triqat il‑Mulej; għalhekk, aħna waqafna lil‑Lamaniti u keċċejniehom ’il barra minn artijietna, u bdejna niffortifikaw blietna, jew kull post li aħna writna.

8 U aħna tkattarna bil‑kbir, u spiċċajna mifruxin ma’ wiċċ l‑art, u sirna nies mill‑aktar għonja fejn jidħol deheb, u fidda, u ħwejjeġ prezzjużi, u ta’ sengħa kbira fejn jidħol injam, bini, u makkinarju, kif ukoll fejn jidħol ħadid u ram, u ram isfar u azzar, u bdejna nagħmlu kull tip ta’ għodda ta’ kull għamla biex naħdmu l‑art, kif ukoll armi tal‑gwerra—iva, il‑vleġġa bil‑ponta misnuna, u l‑ħorġa, u l‑lanza, u ħejjejna kulma stajna għall‑gwerra.

9 U għax aħna konna lestejna ruħna biex naffrontawhom, il‑Lamaniti ma tantx spiċċaw tajjeb kontrina. Iżda l‑kelma tal‑Mulej ġiet fis‑seħħ, li huwa qal lil missirijietna, illi: Diment li intom tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom ikollkom ir‑risq f’artkom.

10 U ġara li l‑profeti tal‑Mulej wissew lill‑poplu ta’ Nefi, skont il‑kelma ta’ Alla, li jekk huma ma jħarsux il‑kmandamenti, imma jaqgħu fit‑trasgressjoni, huma jispiċċaw jinqerdu minn fuq wiċċ l‑art.

11 Għalhekk, il‑profeti, u l‑qassisin, u l‑għalliema, ħadmu bil‑ħrara, iwissu bis‑sabar kollu lin‑nies biex ikunu diliġenti; u bdew jgħallmuhom il‑liġi ta’ Mosè, u għalfejn ġiet mogħtija; u jipperswaduhom biex iħarsu ’l quddiem għall‑miġja tal‑Messija, u biex jemmnu li huwa għandu jiġi daqslikieku diġà ġie. U b’dan il‑mod huma bdew jgħallmuhom.

12 U ġara li għaliex għamlu dan huma żammewhom milli jinqerdu minn fuq wiċċ l‑art; għaliex huma niggżulhom qalbhom permezz tal‑kelma, u bdew iħeġġuhom dejjem biex jindmu.

13 U ġara li għaddew mitejn u tmienja u tletin sena—li fihom aħna rajna gwerer, u ġlied, u tilwim, tista’ tgħid tul iż‑żmien kollu.

14 U jiena, Ġarom, mhux se nikteb aktar minn hekk, għax il‑pjanċi huma żgħar. Iżda araw, ħuti, intom tistgħu tmorru tfittxu fil‑pjanċi l‑oħra ta’ Nefi; għax araw, fuqhom hemm imnaqqax rakkont tal‑gwerer tagħna, skont il‑kitbiet tas‑slaten, jew ta’ dawk li ordnawlhom biex jiktbu.

15 U jien se ngħaddi dawn il‑pjanċi f’idejn ibni Omni, ħalli jkunu jistgħu jinżammu skont il‑kmandamenti ta’ missirijieti.