Konferenza Ġenerali
Għad Għandek Rieda
konferenza ġenerali Ottubru 2022


Għad Għandek Rieda?

Ir-rieda tagħna li nimxu wara Ġesù Kristu hija direttament proporzjonata mal-ammont ta’ ħin li niddedikaw biex inkunu f’postijiet sagri.

Darba waħda l-Ħadd, jien u nħejji ruħi biex nieħu sehem fis-sagrament wara bosta ġimgħat ta’ assenjazzjonijiet relatati ma’ konferenzi tal-wited, ħsieb interessanti għadda minn moħħi.

Hekk kif il-qassis beda joffri l-barka fuq il-ħobż, kliem li kont smajt tant u tant drabi qabel għamlu impatt qawwi fuq moħħi u qalbi. “U jixhdu miegħek, O Alla, il-Missier Etern, li huma lesti li jieħdu fuqhom isem Ibnek, u dejjem jiftakru fih u jżommu l-kmandamenti li huwa tahom; ħalli jkollhom l-Ispirtu tiegħu magħhom.”1 Kemm-il darba xhedna ma’ Alla li aħna lesti?

Hekk kif xtarrejt dwar is-sinifikat ta’ dak il-kliem sagru, il-kelma lesti impressjonatni iktar minn qatt qabel. Mewġa ta’ esperjenzi ħelwin u sagri mliet lil moħħi u lil qalbi, b’imħabba u gratitudni għas-sagrifiċċju espjatorju tas-Salvatur, u l-irwol kruċjali tiegħu fil-pjan tal-Missier għall-fidwa tiegħi u ta’ familti. Imbagħad, jien smajt u ħassejt il-kliem penetranti tat-talba fuq l-ilma: “Sabiex huma jkunu xhieda tiegħek … sabiex huma dejjem jiftakruh.”2 Jien fhimt tajjeb f’dak il-mument li ż-żamma tal-patti tiegħi għandha tkun iktar minn sempliċiment intenzjoni tajba.

Li tieħu s-sagrament mhuwiex ritwal reliġjuż passiv li jitlob minna l-kunsens tagħna. Huwa tifkira qawwija tar-realtà u ċ-ċentralità tal-Espjazzjoni infinita ta’ Kristu u l-ħtieġa li dejjem niftakru fih u nżommu l-kmandamenti tiegħu. Li jkollok ir-rieda li tiffoka fuq is-Salvatur huwa tant kruċjali li hu l-messaġġ ċentrali tal-iktar żewġ skritturi kkwotati fil-Knisja: it-talbiet tas-sagrament. Li tifhem il-verità ta’ dak li l-Missier fis-Smewwiet tant huwa lest li joffri lilna lkoll permezz tal-Iben Waħdieni tiegħu għandu jqanqal l-aqwa sforzi tagħna li min-naħa tagħna għandna nkunu dejjem lesti.

Is-sisien spiritwali tagħna huma mibnijin b’mod sod fuq Ġesù Kristu?

Jekk is-sisien spiritwali tagħna mhumiex fondi u huma superfiċjali, jista’ jkun li naslu biex nibbażaw ir-rieda tagħna fuq analiżi ta’ benefiċċju skont il-prezz jew xi indiċi personali tal-inkonvenjenza. U jekk inħaddnu n-narrattiva li l-Knisja tikkonsisti primarjament f’polisis soċjali li huma antikwati u politikament skorretti, restrizzjonijet personali irrealistiċi, u obbligi ta’ żmien, mela l-konklużjonijiet tagħna dwar ir-rieda se jkunu bl-istess mod difettużi. M’għandniex nippretendu l-prinċipju tar-rieda li jmur tajjeb ma’ influencers fuq il-midja soċjali jew id-dilettanti ta’ TikTok. Il-preċetti tal-bnedmin rarament jallinjaw ruħhom mal-verità divina.

Il-Knisja hija post ta’ ġabra għal individwi imperfetti li jħobbu lil Alla u li huma lesti li jimxu wara l-Mulej Ġesù Kristu. Dik ir-rieda għandha l-għeruq tagħha fir-realtà li Ġesù huwa l-Kristu, Iben Alla l-ħaj. Il-verità divina tista’ tkun magħrufa biss bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Għaldaqstant, ir-rieda hija direttament proporzjonata mal-ammont ta’ ħin li niddedikaw biex inkunu f’postijiet sagri fejn l-influwenza tal-Ispirtu s-Santi hija preżenti.

Nagħmlu sew li nqattgħu iżjed ħin f’taħdita sinifikattiva niddiskutu d-dilemmi tagħna ma’ Missier fis-Smewwiet li tant iħobbna u inqas ħin infittxu l-opinjonijiet ta’ ilħna oħra. Nistgħu wkoll nagħżlu li nbiddlu s-sors tagħna tal-aħbarjiet ta’ kuljum għal kliem Kristu kif jinsab fl-iskrittura, kif ukoll għall-kliem tal-profeti ħajjin tiegħu.

L-importanza li nagħtu lill-osservanza ta’ Jum il-Mulej, lill-ħlas ta’ dieċmi onesti, li jkollna rakkomandazzjoni tat-tempju kurrenti, l-attendenza fit-tempju, u li nonoraw il-patti sagri tat-tempju huma lkoll indikaturi qawwijin tar-rieda tagħna u evidenza tal-impenn tagħna. Aħna lesti li nagħmlu iktar minn sforz superfiċjali biex insaħħu l-fidi tagħna fi Kristu?

Missierna fis-Smewwiet iħobbna b’mod perfett, iżda dik l-imħabba tiġi b’aspettattivi kbar. Huwa jistenna li aħna minn jeddna nqiegħdu lis-Salvatur propju fiċ-ċentru ta’ ħajjitna. Is-Salvatur huwa l-eżempju perfett għalina ta’ wieħed lest li jissottometti ruħu għall-Missier f’kull ħaġa. Huwa “t-triq, il-verità, u l-ħajja.”3 Minn jeddu Huwa patta għal dnubietna. Minn jeddu Huwa jtaffi l-piżijiet tagħna, jikkalma l-beżgħat tagħna, jagħtina l-qawwa, u jġib il-paċi u d-dehen lil qalbna fi żminijiet ta’ tbatija u niket.

Madankollu, il-fidi f’Ġesù Kristu hija għażla. “Jekk [aħna] ma nistgħux nagħmlu iżjed milli nixtiequ li nemmnu” 4 fi kliemu, għandna punt ta’ tluq biex nibdew jew biex nerġgħu nibdew il-vjaġġ tagħna ta’ fidi. Kliemu, jekk miżrugħ f’qalbna bħal żerriegħa u mmantnuh b’reqqa kbira, se jifrex għeruqu, u l-fidi tagħna tikber fl-assigurazzjoni u ssir prinċipju ta’ azzjoni u qawwa. Il-Ktieb ta’ Mormon huwa l-iktar sors qawwi tagħna biex nkabbru u nirrestawraw il-fidi tagħna. Ir-rieda hija l-katalista tal-fidi.

Il-moralità, fil-pjan divin, mhix faċli u xi drabi taf tkun diffiċli mmens. Madanakollu, “[aħna] maħluqin, ħalli [inkunu nistgħu ikollna] l-hena”!5 Li niffukaw fuq is-Salvatur u l-patti tagħna jġibilna hena dejjiema! L-għan tal-mortalità hu biex nipprovaw ir-rieda tagħna. “L-ikbar biċċa xogħol fil-ħajja u l-prezz tad-dixxipulat, huwa li ssir taf ir-rieda tal-Mulej u mbagħad li twettaqha.”6 Il-vera dixxipulat iwassal sal-milja tal-ferħ. Aħna lesti nħallsu l-prezz tad-dixxipulat?

It-triq tal-patt mhijiex sempliċiment xi lista ta’ kontroll; hija proċess ta’ tkabbir spiritwali u impenn dejjem iktar profond lejn il-Mulej Ġesù Kristu. L-għan ċentrali ta’ kull kmandament, prinċipju, patt, u orfinanza huwa li tibni l-fidi u l-fiduċja fi Kristu. Id-determinazzjoni tagħna li niċċentraw ħajjitna fuq Kristu, għalhekk, jeħtieġ li tkun konsistenti—mhux kondizzjonali, skont is-sitwazzjoni, jew superfiċjali. Ma nistgħux naffordjaw li nieħdu ġranet vaganza jew time off personali mir-rieda tagħna li “nieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’kull ħin u f’kollox, u kullimkien.”7 Id-dixxipulat mhuwiex irħis, għaliex is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu hija imprezzabbli.

Bla dubju ta’ xejn, il-Mulej kien qed jaħseb fi żmienna waqt li għallem il-parabbola tal-għaxar xebbiet. Dwar il-ħamsa li kienu għaqlin huwa qal: huma “ħadu l-Ispirtu s-Santu bħala gwida tagħhom, u għadhom ma ġewx imqarrqa,”8 waqt li l-fanali tal-boloh “intfew” minħabba nuqqas ta’ żejt.9 Forsi kliem Nefi jiddeskrivi l-aħjar lil dawn li darba kienu membri fidili tal-Knisja: “U lil oħrajn huwa jikkalma, u jingannahom b’sens falz ta’ sigurtà karnali, li huma jgħidu: Kollox sew f’Sijon.”10

Is-sigurtà karnali hija meta nfittxu u nafdaw fi ħwejjeġ tad-dinja minflok fi Kristu—fi kliem ieħor, li nħarsu minn lenti sekulari minflok minn lenti spiritwali. L-Ispirtu s-Santu jagħtina l-kapaċità li naraw “ħwejjeġ kif fil-fatt huma, u … kif fil-fatt se jkunu.”11 Huwa “bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu [li nistgħu] nkunu nafu l-verità ta’ kollox”12 u ma niġux imqarrqin. Aħna nqiegħdu lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna u nwiegħdu r-rieda tagħna li nobdu l-kmandamenti tiegħu, mhux għax aħna għomja iżda għaliex nistgħu naraw.13

Iżda xi ngħidu għax-xebbiet il-boloh? Għaliex ma kellhomx ir-rieda li jġorru l-kus biż-żejt spiritwali? Huma sempliċiment qagħdu jipprokrastinaw? Jista’ jkun li kienu wisq każwali għaliex kienet ħaġa inkonvenjenti jew ma kenitx tidher xi ħaġa neċessarja. Kienet x’kienet ir-raġuni, huma tqarrqu dwar ir-rwol kruċjali ta’ Kristu. Dan huwa l-qerq fundamentali ta’ Satana, u r-raġuni għaliex il-fanali ta’ testimonjanza tagħhom eventwalment intfew minħabba nuqqas ta’ żejt spiritwali. Din il-parabbola hija metafora moderna ta’ żmienna. Ħafna jabbandunaw lis-Salvatur u l-patti tagħhom ħafna żmien qabel ma huma jabbandunaw il-Knisja.

Aħna ngħixu fi żminijiet bla preċedent li l-profeti tal-qedem ilhom li bassru, jum meta Satana jgħaddab “qlub ulied il-bnedmin u jqanqalhom biex jimtlew bil-korla kontra dak li hu tajjeb.”14 Wisq nies fostna jgħixu f’dinja virtwali onlajn imfawra b’tip ta’ divertiment u messaġġi li huma ostili lejn l-identità divina u t-twemmin tagħna fi Kristu.

L-iktar influwenza spiritwali qawwija fil-ħajja ta’ tifel huwa l-eżempju tajjeb tal-ġenituri li jħobbuh u nanniet li jħobbuh, li b’fedeltà jżommu l-patti sagri tagħhom. Ġenituri b’intenzjoni jgħallmu lil uliedhom il-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, sabiex huma wkoll “jkunu jafu lejn liema sors għandhom iduru għal maħfra ta’ dnubiethom.”15 Li nżommu l-patti b’mod każwali u inkonsistenti jwassal għal każwalità spiritwali. Ta’ sikwit, il-ħsara spiritwali hija l-aktar kbira fuq uliedna u wlied uliedna. Ġenituri u nanniet, aħna għadna lesti?

Il-President Russell M. Nelson għallem li “fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”16 Din hija twissija ċara u inekwivokabbli biex norqmu l-ftila tal-fanali tagħna u biex inżidu l-ħażna taż-żejt spiritwali. Aħna għadna lesti li nimxu wara l-profeti ħajjin? X’inhu l-livell taż-żejt spiritwali fil-lampa tagħkom? X’tibdli fil-ħajja personali tiegħek se jippermettilek li jkollok l-influwenza tal-l-Ispirtu s-Santu b’mod iktar kostanti?

Illum il-ġurnata, bħal fi żminijiet Ġesù, se jkun hemm dawk li se jduru lura, għax mhux lesti li jaċċettaw il-prezz tad-dixxipulat. Hekk kif kritika ħarxa u mimlija mibegħda qiegħda dejjem tiżdied kontra l-Knisja tas-Salvatur u dawk li jimxu warajh, id-dixxipulat tagħna se jkun jenħtieġ rieda ikbar biex lis-sinsla spiritwali tagħna niddrittawa u nsaħħuha, u lil dawk ninjorawhom.17

Jekk is-sisien spiritwali tagħna jinbnew b’mod sod fuq Ġesù Kristu, aħna mhux se naqgħu, u m’għandniex għafejn nibżgħu.

“Araw, il-Mulej jeħtieġ il-qalb u moħħ lest għalih; u dawk li jinsabu lesti u obbidjenti għandhom jieklu l-frott bnin tal-art ta’ Sijon f’dawn l-aħħar żminijiet.”18

Jalla aħna dejjem inkunu lesti. Fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kistu, ammen.