Konferenza Ġenerali
Stieden lil Kristu biex Ikun l-Awtur tal-Istorja Tiegħek
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Stieden lil Kristu biex Ikun l-Awtur tal-Istorja Tiegħek

Araw li n-narrattiva tagħkom tkun waħda ta’ fidi, li timxu wara l-Eżemplar tagħkom, is-Salvatur Ġesù Kristu.

Nibda billi nagħmel numru ta’ mistoqsijiet biex jgħinuna nirriflettu ftit:

  • X’tip ta’ narrattiva personali qed tiktbu għal ħajjitkom?

  • Il-mogħdija li tiddeskrivu fl-istorja tagħkom hija waħda dritta?

  • L-istorja tagħkom tispiċċa minn fejn bdiet, fid-dar tagħkom fis-smewwiet?

  • Fl-istorja tagħkom hemm xi bniedem eżemplari —u dan il-bniedem huwa s-Salvatur Ġesù Kristu?

Nixhed li s-Salvatur hu “dak li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.”1 Lesti tistednuh biex ikun dak li minnu tibda u fih tintemm l-istorja tagħkom?

Hu jaf il-bidu mit-tmiem. Hu kien li ħalaq is-sema u l-art. Hu jridna nerġgħu lura għandu u għand Missierna fis-Smewwiet. Hu investa kollox fina u jridna nirnexxu.

X’taħsbu li jżommna milli ngħaddu l-istejjer tagħna lilu?

Jista’ jkun li dan l-eżempju li ġej jgħinkom fl-awtovalutazzjoni tagħkom.

Avukat tal-qorti effettiv jaf li waqt il-kontro-eżami, għandha tkun xi ħaġa rari ħafna li tistaqsi mistoqsija lix-xhud li ma tkunx taf it-tweġiba tagħha. Jekk tistaqsi mistoqsija hekk int tkun qed tistieden lix-xhud li jgħidlek—u jgħid lill-imħallef u lill-ġurati—xi ħaġa li għadek ma tafx. Int taf tingħata tweġiba li tissorprendik u li hi kontra n-narrattiva li inti żviluppajt għall-każ tiegħek.

Għalkemm li tistaqsi mistoqsija li għadek ma tafx it-tweġiba tagħha lil xi xhud hi ġeneralment xi ħaġa xejn għaqlija għal avukat fil-qorti, għalina l-oppost huwa tajjeb. Aħna nistgħu nistaqsu mistoqsijiet lil Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna, f’isem is-Salvatur tagħna mimli ħniena, u x-xhud li jwieġeb il-mistoqsijiet tagħna hu l-Ispirtu s-Santu, li dejjem jixhed dwar il-verità.2 Peress li l-Ispirtu s-Santu jaħdem f’għaqda perfetta ma’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu, nafu li l-manifestazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu huma affidabbli. Għaxiex mela, xi kultant insibuha bi tqila biex nitolbu għal din it-tip ta’ għajnuna divina, verità murija lilna permezz tal-Ispirtu s-Santu? Għalfejn nibqgħu ma nistaqsux xi mistoqsija li ma nafux it-tweġiba tagħha meta x-xhud mhux biss lest li jgħinna iżda dejjem jgħid il-verità?

Jista’ jkun għax m’għandniex il-fidi li naċċettaw it-tweġiba li nistgħu nirċievu. Jista’ jkun għaliex il-bniedem naturali li hemm fina jirreżisti li jħalli l-affarijiet kompletament f’idejn il-Mulej u jafda fih f’kollox. Jista’ jkun li għalhekk nagħżlu li nibqgħu nippersistu bin-narrattiva li ktibna aħna stess, verżjoni komda tal-istorja tagħna li mhijiex editjata mill-Aqwa Awtur. Aħna ma rridux nistaqsu mistoqsija u nirċievu tweġiba li ma toqgħodx sewwa fl-istorja li aħna qed niktbu dwarna.

Fil-verità, ftit fostna probabbilment niktbu fl-istejjer tagħna l-isfidi li jirraffinawna. Iżda mhux lilna lkoll jogħġob il-kulminu ta’ xi storja li naqraw meta l-protagonist jegħleb l-isfida li jiffaċċja? L-isfidi huma l-element tal-plott li jagħmel l-istejjer favoriti tagħna interessanti, indimentikabbli, li jqanqlu l-fidi, u ta’ min jirrakkontahom. It-taqbid sabiħ li jkun miktub fl-istejjer tagħna hu dak li jressaqna viċin is-Salvatur u jirraffinana, filwaqt li jagħmilna aktar bħalu.

Biex David għeleb lil Gulija, it-tifel kellu jiġġieled lill-ġgant. In-narrattiva l-aktar komda għal David kienet tkun li jerġa’ lura jirgħa n-nagħaġ. Iżda minflok, hu rrifletta fuq l-esperjenza li kellu meta salva l-ħrief mill-iljun u mill-ors. U waqt li bena fuq dawk ir-rebħiet erojċi, hu wera biżżejjed fidi u kuraġġ li ħalla lil Alla jiktiblu l-istorja tiegħu, fejn iddikjara, “Il-Mulej, li ħelisni minn ħalq l-iljun u l-ors, jeħlisni minn id dan il-Filisti.”3 B’xewqa li jħalli lil Alla jiddomina, b’widnejh miftuħin għall-Ispirtu s-Santu, u rieda li jħalli lis-Salvatur ikun dak li minnu tibda u fih tintemm l-istorja tiegħu, it-tfajjel David għeleb lil Gulija u salva lill-poplu tiegħu.

Il-prinċipju sublimi tal-volontà jagħtina ċ-ċans, bla dubju, li niktbu l-istejjer tagħna —David seta’ telaq lejn id-dar, ikompli jirgħa n-nagħaġ. Iżda Ġesù Kristu jinsab lest li jużana bħala strumenti divini, lapsijiet ixxarpnati f’idejh, ħalli jikteb kapolavur! Hu lest biex, kollu ħniena, juża lili, lapes żmagat, bħala strument f’idejh, jekk ikolli l-fidi li nħallih jagħmel dan, jekk jien inħallih jikteb l-istorja tiegħi.

Ester hi eżempju sabiħ ieħor ta’ mara li ħalliet lil Alla jiddomina f’ħajjitha. Minflok ma baqgħet tippresisti b’narrattiva kawta ta’ awto-preservazzjoni, hi eżerċitat il-fidi, fejn fdat lilha nnifisha kompletament f’idejn il-Mulej. Ħaman kien qed jippjana l-qerda tal-Lhud kollha fil-Persja. Mordekaj, li kien jiġi minn Ester, sar jaf bil-plott u kitbilha u talabha biex titkellem mas-sultan f’isem il-poplu tagħha. Hi għarrfitu li min kien imur quddiem is-sultan mingħajr ma jintalab jagħmel dan, kien hemm ċans jaqtgħuhielu għall-mewt. Iżda f’att tremend ta’ fidi, hi staqsiet lil Mordekaj biex jiġbor flimkien lil-Lhud u jsumu għaliha. “Hekk ukoll insumu jien u t-tfajliet ta’ madwari,” qaltlu hi, “u mbagħad nidħol għand is-sultan, għalkemm mhux skond il-liġi, u jekk immut, immut.”4

Ester kienet lesta tħalli lis-Salvatur jikteb l-istorja tagħha minkejja li, mil-lenti tal-mortalità, it-tmiem seta’ kien wieħed traġiku. Fortunatament, is-sultan laqa’ għandu lil Ester, u l-Lhud fil-Persja ġew meħlusa.

Bla dubju, aħna rari niġu mitlubin nuru l-livell ta’ kuraġġ li wriet Ester. Iżda biex inħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna, inħalluh ikun dak li minnu jibdew u fih jintemmu l-istejjer tagħna, jeħtieġ li nħarsu l-kmandamenti tiegħu u l-patti li għamilna miegħu. Hu sewwasew iż-żamma tal-kmandament u tal-patti tagħna li tagħtina aċċess għall-komunikazzjoni biex nirċievu r-rivelazzjoni permezz tal-Ispirtu s-Santu. U hi permezz tal-manifestazzjonijiet tal-Ispirtu li aħna nħossu l-id tal-Imgħallem tikteb l-istejjer tagħna magħna.

F’April 2021, il-profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, talabna biex nikkunsidraw x’kapaċi nagħmlu jekk ikollna aktar fidi f’Ġesù Kristu. B’aktar fidi f’Ġesù Kristu, aħna nkunu nistgħu nistaqsu mistoqsija li m’għandniex tweġiba għaliha—nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet, f’isem Ġesù Kristu, biex jibgħatilna tweġiba permezz tal-Ispirtu s-Santu, li jixhed dwar il-verità. Jekk ikollna aktar fidi, aħna nistaqsu l-mistoqsija u mbagħad inkunu lesti naċċettaw it-tweġiba li nirċievu, anke jekk ma toqgħodx man-narrattiva komda tagħna. U l-barka mwiegħda li nirċievu meta naġixxu b’fidi f’Ġesù Kristu hi li jkollna fidi akbar fih bħala dak li minnu tibda u fih tintemm ħajjitna. Il-President Nelson iddikjara li aħna “nirċievu aktar fidi billi nwettqu xi ħaġa li teħtieġ aktar fidi.”5

Għalhekk, koppja bla tfal li qed tbati minħabba l-infertilità jafu jistaqsu bil-fidi jekk għandhomx jadottaw tfal u jkunu lesti jaċċettaw it-tweġiba, minkejja li n-narrattiva li kitbu huma kienet tinkludi fiha twelid mirakoluż.

Koppja anzjana jafu jistaqsu jekk huwiex żmien opportun għalihom li jservu missjoni u jkunu lesti li jmorru, anke jekk il-narrattiva li huma kitbu tinkludi li jqattgħu aktar ħin fl-impjieg tagħhom. Jew forsi t-tweġiba tista’ tkun “mhux għalissa,” u huma jsiru jafu fil-kapitli ta’ wara tal-istorja tagħhom għalfejn huma kienu meħtieġa li jibqgħu ftit ieħor d-dar.

Wieħed żagħżugħ jew waħda żagħżugħa jafu jistaqsu b’fidi x’inhu l-aħjar għalihom, jekk hux karriera f’xi sport jew mużika jew li jkomplu bl-istudji tagħhom u jkunu lesti jimxu wara s-suġġerimenti tax-xhud perfett, l-Ispirtu s-Santu.

Għalfejn irridu li s-Salvatur ikun dak li minnu jibdew u fih jintemmu l-istejjer tagħna? Għaliex Hu jaf x’inhu l-potenzjal tagħna b’mod perfett, Hu jeħodna f’postijiet li qatt ma mmaġinajna li se mmorru fihom. Hu jaf jagħmel minna xi David jew Ester. Hu jippermetti li ngħaddu minn provi kif ukoll jirraffinana biex insiru aktar bħalu. Il-ħwejjeġ li nistgħu niksbu hekk kif naġixxu b’aktar fidi jkabbru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu.

Ħuti, sena ilu l-profeta għażiż tagħna staqsiena: “Lest inti tħalli lill Alla jiddomina f’ħajtek? … Inti lest tħalli dak kollu li Hu jeħtieġ minnek jiġi qabel kull ambizzjoni oħra?”6 B’umiltà jien se nżid ma’ dawk il-mistoqsijiet profetiċi: “Inti lest tħalli lil Alla jkun dak li minnu tibda u fih tintemm l-istorja tiegħek?”

Fl-Apokalissi naqraw li aħna se nieqfu quddiem Alla biex niġu ġġudikati permezz tal-kotba tal-ħajja, skont l-għemejjel tagħna.7

Aħna se niġu ġġudikati permezz tal-ktieb tagħna tal-ħajja. Aħna nistgħu nagħżlu li niktbu narrattiva komda għalina nfusna. Jew inkella nistgħu nagħtu ċans lill-Aqwa Awtur, li minnu tibda u fih tintemm ħajjitna, biex jikteb l-istorja tagħna magħna, billi nħallu l-irwol li Hu jridna nieħdu jieħu preċedenza fuq kull ambizzjoni oħra.

Araw li tħallu lil Kristu jkun dak li minnu tibda u fih tintemm l-istorja tagħkom!

Araw li tħallu l-Ispirtu s-Santu jkun ix-xhud tagħkom!

Iktbu storja fejn il-mogħdija li tinsabu fiha hi waħda dritta, f’triq li twassalkom lura lejn id-dar tagħkom fis-smewwiet biex tgħixu fil-preżenza ta’ Alla.

Araw li tħallu l-avversità u t-tbatija li huma parti minn kull storja tajba jkunu mezz li bih tersqu aktar viċin ta’ Ġesù Kristu, u ssiru aktar bħalu.

Irrakkontaw storja li fiha tagħrfu li s-smewwiet jinsabu miftuħin. Staqsu mistoqsijiet li ma tafux it-tweġiba tagħhom, għax tafu li Alla hu lest jiżvela r-rieda tiegħu lilkom permezz tal-Ispirtu s-Santu.

Araw li n-narrattiva tagħkom tkun waħda ta’ fidi, li timxu wara l-Eżemplar tagħkom, is-Salvatur Ġesù Kristu. F’isem Ġesù Kristu, amen.