Konferenza Ġenerali
Il-Ħwejjeġ ta’ Ruħi
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Il-Ħwejjeġ ta’ Ruħi

X’inhuma dawk il-ħwejjeġ li tixtarru dwarhom? X’inhuma l-aktar ħwejjeġ importanti għalikom? X’inhuma l-ħwejjeġ ta’ ruħkom?

Ħuti, hekk kif erġajt ninsab wieqaf hawn fil-maħbub Ċentru għall-Konferenza, f’moħħi jiġini kliem l-Appostlu Pietru: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn.”1

Ħsibijieti llum huma ċċentrati fuq il-kliem tal-profeta Nefi, li żamm l-annali tal-poplu tiegħu wara l-mewt ta’ Missieru Leħi. Nefi kiteb, “U fuq dawn se nikteb il-ħwejjeġ ta’ ruħi.”2

Spiss kont naqra dan il-vers, u ngħid lili nnifsi li l-kelma ħwejjeġ ma kenitx eleganti jew spiritwali biżżejjed, jew grandjuża biżżejjed biex tpoġġiha ma’ “ruħi.” Madankollu tgħallimt li l-kelma ħwejjeġ tintuża fl-iskrittura 2,354 darba.3 Per eżempju, f’Mosè: “Jiena l-Bidu u t-Tmiem, Alla s-Setgħan; permezz tal-Iben il-Waħdieni tiegħi jien ħloqt dawn il- ħwejjeġ.”4 U kliem Nefi: “Araw, ruħi titgħaxxaq fil- ħwejjeġ tal-Mulej; u qalbi tixtarr kontinwament dwar il- ħwejjeġ li jien rajt u smajt.”5

Kliem Nefi jwasslna biex nistaqsu “Intom xi ħwejjeġ tixtarru?” “X’inhuma l-aktar ħwejjeġ importanti għalikom?” “X’inhuma l-ħwejjeġ ta’ ruħkom?”

Il-ħwejjeġ ta’ ruħna ħafna drabi nsiru nafuhom aħjar u b’mod aktar profond meta nistaqsu l-mistoqsijiet.

Immaġni
Il-Presbiteru Rasband f’laqgħa virtwali
Immaġni
Devozzjonali għaż-żgħażagħ
Immaġni
Xandira tal-adulti żgħażagħ

Waqt il-pandemija ltqajt ma’ żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha f’ħafna devozzjonali, kbar u żgħar, permezz ta’ xandiriet u l-midja soċjali, u ddiskutejna l-mistoqsijiet tagħhom.

Ta’ 14-il sena Joseph Smith kellu mistoqsija fil-qalba ta’ ruħu, u staqsieha lill-Mulej. Il-President Russell M. Nelson enfasizza: “Morru bil-mistoqsijiet tagħkom għand il-Mulej u f’sorsi fidili oħra. Studjaw bix-xewqa li temmnu aktar milli bit-tama li ssibu xi difett fin-nisġa tal-ħajja ta’ profeta jew xi diskrepanza fl-iskrittura. Tkomplux tkabbru d-dubji tagħkom billi toqogħdu ssemmuhom ma’ … min għandu d-dubju. Ħallu lill-Mulej imexxikom fil-vjaġġ ta’ skopertà spiritwali tagħkom.”6

Iż-żgħażagħ spiss jistaqsuni x’nemmen u għalfejn nemmen li nemmen.

Niftakar meta darba ltqajt virtwalment ma’ mara żagħżugħa fid-dar tagħha. Jien staqsejtha jekk kenitx l-ewwel darba li Appostlu daħal f’darha. Hi fil-pront tbissmet u weġbitni, “Iva.” Il-mistoqsija li għamlitli kienet waħda tajba: “X’inhuma l-aktar ħwejjeġ importanti li għandi nkun naf?”

Jien weġibtha bil-ħwejjeġ ta’ ruħi, il-ħwejjeġ li jħejjuni biex nisma’ s-suġġerimenti, li jerfgħu ħarsti ’l fuq mill-ħwejjeġ tad-dinja, li jagħtuni skop għall-ħidma tiegħi fl-evanġelju u fl-istess ħajti.

Tippermettuli naqsam magħkom xi ħwejjeġ ta’ ruħi? Dawn il-ħwejjeġ japplikaw għal dawk kollha li jippruvaw ikunu dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu. Għaxra għandu jkun numru tajjeb. Illum se nagħtikom sebgħa bit-tama li intom tkomplu bit-tmienja, bid-disa’, u bl-għaxar waħda mill-esperjenzi tagħkom.

L-ewwel, ħobb lil Alla l-Missier u lil Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna.

Ġesù stabbilixxa l-ewwel kmandament kbir: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.”7

Il-President Nelson iddikjara d-devozzjoni tiegħu lejn Alla, il-Missier Etern tagħna, u Ibnu, Ġesù Kristu, meta ġie msejjaħ biex imexxi l-Knisja tal-Mulej, billi qal, ‘Jiena nafhom, inħobbhom u nwiegħed li nservi lilhom—u lilkom—sal-aħħar nifs ta’ ħajti.”8

Għalhekk l-ewwel, ħobb lill-Missier u lill-Iben.

It-tieni, “Ħobb lil għajrek.”9

Din mhix sempliċiment idea tajba; hija t-tieni kmandament kbir. Għajrek huma l-konjuġi u l-familja tiegħek, il-membri tal-qasam, il-kollegi tax-xogħol, dawk li talloġġa magħhom, dawk mhux ta’ twemmin tagħna, dawk li għandhom bżonnok, u, fil-fatt, kulħadd. L-essenza ta’ “ħobb lil għajrek” inkantawha fl-għanja “Ħobbu lil Xulxin.”10

Il-President Nelson ifakkarna, “Meta nħobbu lil Alla b’qalbna kollha, Hu jgħinna nħossuna aktar konxji tal-benesseri ta’ ħaddieħor.”11

It-tielet, ħobb lilek innifsek.

Hawn hu fejn ħafna jsibuha diffiċli. Mhijiex ħaġa kurjuża li nħobbu lilna nfusna tidher anqas faċli milli nħobbu lil ħaddieħor? Madankollu, il-Mulej qal, “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”12 Hu jivvaluta d-divinità li hemm fina, u l-istess għandna nagħmlu aħna. Meta nħossuna mgħobbijin wisq bl-iżbalji, bl-uġigħ il-qalb, b’sentimenti ta’ inadegwatezza, bid-diżappunt, bir-rabja, jew bid-dnub, il-qawwa tal-Espjazzjoni tas-Salvatur hi, bi pjan divin, waħda mill-ħwejjeġ li sserraħ lir-ruħ.

Ir-raba’, ħares il-kmandamenti.

Il-Mulej għamilha ċara: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.”13 Araw li kuljum tippruvaw tkunu u tagħmlu ftit aħjar u li tibqgħu mexjin ’il quddiem fis-sewwa.

Il-ħames, kun dejjem den li tattendi t-tempju.

Jien insejħilha li tkun rakkomandat mill-Mulej. Għandekx aċċess jew le għal xi tempju, li tkun den ta’ rakkomandazzjoni tat-tempju kurrenti żżommok iffokat fuq l-aktar ħwejjeġ importanti fit-triq tal-patt.

Is-sitta, kun kuntent u ferrieħi.

“Kun ferħan, u tibżax,”14 qal il-Mulej. Għalfejn? Kif jista’ jkun dan bl-isfidi li niffaċċjaw minn kullimkien? Minħabba l-wegħda li għamel Ġesù Kristu: “Jiena l-Mulej ninsab magħkom u nieqaf magħkom.”15

Il-President Nelson iddeskriva l-evanġelju rrestawrat bħala “messaġġ ta’ ferħ!”16 U hu jispjega, “Il-ferħ li nħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ħajjitna.”17

Is-seba’, imxi wara l-profeta ħaj ta’ Alla.

Hu veru li din hi s-seba’ waħda mil-lista ta’ ħwejjeġ tiegħi, iżda tinsab dejjem f’moħħi fejn tidħol l-importanza tagħha llum.

Aħna għandna profeta ta’ Alla fid-dinja llum! Qatt tinsew din xi tfisser għalikom. Tiftakru t-tfajla li semmejt fil-bidu. Hi riedet tkun taf x’inhuma l-aktar ħwejjeġ importanti. “Imxi wara l-profeta ħaj,” għidtilha jien u nerġa’ nenfasizza dan illum.

Aħna distinti bħala Knisja li aħna mmexxijin minn profeti, veġġenti, u rivelaturi msejħa minn Alla f’dan iż-żmien. Inwegħidkom li hekk kif tisimgħu u timxu wara l-parir tagħhom, intom ma titmexxew qatt lejn il-ħażen. Qatt!

Aħna ninsabu ngħixu fi żmien fejn qed niġu “mitfugħin ’l hawn u ’l hemm,”18 fejn l-ispiritwalità, id-diċenza, l-integrità, u r-rispett jinsabu taħt attakk. Jeħtieġ li nagħmlu ċerti għażliet. Aħna għandna leħen il-Mulej permezz tal-profeta tiegħu biex jikkalma l-biżgħat tagħna u jgħolli ħarsitna ’l fuq, għax meta jitkellem il-President Nelson, hu jitkellem f’isem il-Mulej.

Aħna mberkin bl-iskrittura u b’tagħlim li jfakkarna li “Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom, jgħid il-Mulej.”19

L-istess kien tbierek Nagħman, mexxej militari kbir ġewwa s-Sirja, li sa dak il-ħin kien għadu bil-ġdiem, li ġie mgħarraf li l-profeta Eliżew seta’ jfejqu. Eliżew bagħat lill-messaġġier tiegħu biex jgħid lil Nagħman ħalli jmur jinħasel seba’ darbiet fix-Xmara Ġordan u hu jitnaddaf. Nagħman m’għoġbitux din il-ħaġa. Ċertament li kien hemm xmara aktar importanti minn tal-Ġordan, u għalfejn kien mar iżuru qaddej meta hu stenna li Eliżew, il-profeta, imur hu personalment biex ifejqu? Nagħman telaq minn hemm, iżda eventwalment il-qaddejja tiegħu kkonvinċewh: “Li kieku l-profeta qallek xi ħaġa kbira ma kontx tagħmilha?”20 Nagħman finalment niżel seba’ darbiet fil-Ġordan u ġie mfejjaq.

Ir-rakkont ta’ Nagħman ifakkarna fir-riskju li naqbdu u nagħżlu liema partijiet mill-parir profetiku jaqblu mal-ħsieb u mal-aspettattivi tagħna jew man-norma tal-ġurnata. Il-profeta tagħna kontinwament jidderiġina lejn ix-Xmara Ġordan tagħna biex nitfejqu.

L-aktar kliem importanti li nistgħu nisimgħu, nixtarru, u nimxu warajh hu dak żvelat permezz tal-profeta ħaj tagħna. Nixhed li jien poġġejt kemm-il darba bilqiegħda biex niddiskuti mal-President Nelson dwar ħwejjeġ mill-aktar importanti relatati mal-Knisja u mad-dinja, u rajt b’għajnejja ir-rivelazzjoni ħierġa minn ġo fih. Hu jaf lill-Mulej, hu jaf triqatu, u hu jixtieq li l-ulied kollha ta’ Alla jisimgħu lill-Mulej Ġesù Kristu.

Għal bosta snin aħna konna qed nisimgħu mill-profeta darbtejn fis-sena, waqt il-konferenza ġenerali. Iżda minħabba ċerti kwistjonijiet kumplessi ta’ żmienna, il-President Nelson qed jitkellem ferm aktar spiss waqt forums,21 permezz tal-midja soċjali,22 waqt devozzjonali,23 u anke permezz ta’ aġġornamenti għall-istampa.24 Jien osservajtu jħejji u jippreżenta ċerti messaġġi profondi u rivelatorji li ħeġġew aktar gratitudni, ippromwovew aktar inklużjoni bejn ħutna kollha fid-dinja, u aktar paċi, tama, ferħ, saħħa, u fejqan fil-ħajja individwali tagħna.

Il-President Nelson huwa komunikatur tajjeb ħafna, iżda aktar importanti minn hekk, hu l-profeta ta’ Alla. Hi xi ħaġa mill-aktar meraviljuża meta taħseb dwarha, iżda hu ferm importanti nirrealizzaw li d-direzzjoni ċara tiegħu tista’ tipproteġina lkoll mill-qerq, mill-ħażen u minn ċerti ideat sekulari li tant huma persistenti fid-dinja llum.25

L-għan tal-mantell profetiku huwa r-rivelazzjoni. “Ir-Restawrazzjoni tal-Milja tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu: Proklamazzjoni Biċentinarja lid-Dinja,” mogħtija fil-konferenza ġenerali ta’ April 2020, tenfasizza li l-Mulej jinsab imexxi din il-ħidma. F’din il-proklamazzjoni, l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu jiddikjaraw: “Aħna bil-ferħ niddikjaraw li r-Restawrazzjoni mwiegħda se tibqa’ miexja ’l quddiem permezz tar-rivelazzjoni kontinwa. Id-dinja qatt mhi se terġa’ tkun l-istess, hekk kif Alla ‘se jiġbor il-ħwejjeġ kollha taħt ras waħda, li hu Kristu” (Efesin 1:10).”26

“Il-ħwejjeġ kollha taħt ras waħda li hu Kristu”27 u “l-ħwejjeġ ta’ ruħi”28 huma l-għan ewlieni ta’ din il-Knisja, ta’ dan l-evanġelju, u ta’ dan il-poplu.

Nagħlaq billi nagħmel stedina lilkom ilkoll biex tikkunsidraw is-seba’ “ħwejjeġ ta’ ruħi” li qsamt magħkom illum: ħobb lil Alla l-Missier u lil Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna; ħobb lil għajrek; ħobb lilek innifsek; ħares il-kmandamenti; dejjem kun den ta’ rakkomandazzjoni tat-tempju; kun kuntent u ferrieħi; u imxi wara l-profeta ħaj ta’ Alla. Nistedinkom biex tidentifikaw intom stess in-numru tmienja, disgħa, u għaxra tagħkom. Ikkunsidraw modi kif tistgħu taqsmu l-“ħwejjeġ” li tħossu f’qalbkom ma’ ħaddieħor u tħeġġuhom biex jitolbu, jixtarru, u jfittxu l-gwida tal-Mulej.

Il-ħwejjeġ ta’ ruħi huma prezzjużi għalija daqs kemm huma prezzjużi tagħkom għalikom. Dawn il-ħwejjeġ isaħħu s-servizz tagħna fil-Knisja u fl-oqsma kollha tal-ħajja. Huma l-mera tal-impenn tagħna lejn Ġesù Kristu, ifakkruna fil-patti tagħna, u jgħinuna nħossuna aktar siguri f’dirgħajn il-Mulej. Jiena nixhed li Hu jixtieq li ruħna “qatt ma jkollha aktar ġuħ jew għatx, iżda dejjem tħossha mimlija”29 b’imħabbtu hekk kif infittxu li nsiru d-dixxipli vera tiegħu, li nkunu ħaġa waħda miegħu kif Hu ħaġa waħda mal-Missier. F’isem Ġesù Kristu, amen.