Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ
Sibu l-mistrieħ mill-intensità, mill-inċertezza, u min-niket ta’ did-dinja billi tegħlbu d-dinja permezz tal-patti tagħkom ma’ Alla.
Għeżież ħuti, jiena grat li qed nilqagħkom f’din l-għodwa glorjuża ta’ Jum il-Mulej. Intom dejjem f’moħħi. Nimmeravilja ruħi bil-mod kif taġixxu mill-ewwel kull meta taraw lil xi ħadd fil-bżonn. Nistagħġeb bil-fidi u t-testimonjanza li intom turu u tkomplu turu. Nitbikkem minħabba l-uġigħ il-qalb, id-diżappunt, u l-inkwiet tagħkom. Inħobbkom. Nassigurakom li Missierna fis-Smewwiet u Ibnu l-Maħbub, Ġesù Kristu, iħobbukom. Huma intimament konxji miċ-ċirkustanzi tagħkom, mit-tjubija tagħkom, mill-bżonnijiet tagħkom, u mit-talb tagħkom għall-għajnuna. Għal darb’oħra, nitlob għalikom biex intom tħossu mħabbithom lejkom.
Li aħna nesperjenzaw imħabbithom hi xi ħaġa mill-aktar importanti, għax jidher li ta’ kuljum ninsabu bbumbardjati minn sensiela ta’ aħbarijiet inkwetanti. Jaf kien hemm jiem meta xtaqtu tibqgħu lebsin l-ilbies tas-sodda, u tibqgħu taħt il-kutri u titolbu lil xi ħadd iqajjimkom meta jgħaddi l-inkwiet.
Iżda, għeżież ħuti, wasal żmien meta se nesperjenzaw bosta ħwejjeġ tal-għaġeb. Fil-jiem li ġejjin, se naraw l-akbar manifestazzjoni tal-qawwa tas-Salvatur li d-dinja qatt rat. Bejn issa u ż-żmien li fih Huwa jerġa’ lura “b’qawwa u bi glorja kbira,”1 Huwa se jsawwab numru bla għadd ta’ privileġġi, barkiet, u mirakli fuq il-fidili.
Madankollu, bħalissa ninsabu ngħixu f’dak li żgur huwa żmien mill-aktar ikkumplikat fl-istorja tad-dinja. Il-kumplessità u l-isfidi jwasslu biex bosta nies iħossuhom iddisprati u eżawriti. Madankollu, ikkunsidraw ftit esperjenza li kelli m’ilux li taf titfa dawl fuq kif intom u jien nistgħu nsibu s-serħan.
Waqt il-ftuħ għall-pubbliku riċenti tat-Tempju ta’ Washington D.C., membru mill-kumitat għall-ftuħ għall-pubbliku beda jsegwi konverżazzjoni mill-aktar intuwittiva hekk kif huwa dawwar bosta ġurnalisti prominenti madwar it-tempju. B’xi mod familja żagħżugħa ngħaqdet ma’ dan iż-żjara tal-midja. Wieħed riporter beda jistaqsi kontinwament dwar “il-vjaġġ” ta’ patrun tat-tempju hekk kif huwa jgħaddi minn post għall-ieħor tat-tempju. Hu ried ikun jaf jekk il-vjaġġ tat-tempju huwiex simboliku tal-isfidi fi vjaġġ ta’ persuna tul ħajtu.
Wieħed tfajjel fil-familja beda jinteressa ruħu fil-konverżazzjoni. Meta dan il-grupp daħal fil-kamra tad-dota, it-tifel ipponta b’subgħajh lejn l-artal, fejn in-nies jinżlu għarkupptejhom biex jagħmlu patti ma’ Alla, u qal, “Ara, hekk sewwa. Dan hu post fejn in-nies jistgħu jistrieħu fil-vjaġġ tagħhom fit-tempju.”
Niddubita jekk it-tifel kienx jaf kemm kienet profonda l-osservazzjoni tiegħu. Probabbilment ma kellux idea dwar il-konnessjoni diretta bejn li wieħed jagħmel patt ma’ Alla fit-tempju u l-wegħda mill-isbaħ tas-Salvatur:
“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.
“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni; … u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.
“Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”2
Għeżież ħuti, nitnikket għal dawk li jitilqu mill-Knisja għax iħossu li s-sħubija tagħhom fiha titlob ħafna minnhom. Huma għandhom ma skoprewx li l-għamil u l-ħarsien tal-patti fil-fatt jagħmel il-ħajja aktar faċli! Kull persuna li tagħmel il-patti fil-fonti tal-magħmudija u fit-tempji—u tħarishom—għandna aċċess akbar għall-qawwa ta’ Ġesù Kristu. Jekk jogħġobkom xtarru ftit dwar din il-verità mill-isbaħ!
Il-premju talli nħarsu l-patti ma’ Alla huwa qawwa divina—qawwa li ssaħħaħna sabiex inkunu nistgħu nikkumbattu aħjar l-isfidi, it-tiġrib, u l-uġigħ il-qalb tagħna. Din il-qawwa tiffaċilita t-triq tagħna. Dawk li jgħixu l-liġijiet ogħla ta’ Ġesù Kristu għandhom aċċess għall-qawwa ogħla tiegħu. B’hekk, dawk li jħarsu l-patti huma intitolati għal mistrieħ mill-aktar speċjali li jiksbuh permezz tar-relazzjoni tagħhom ma’ Alla permezz tal-patti.
Qabel i-Salvatur issottometta lilu nnifsu għall-agunija tal-Ġetsemani u l-Kalvarju, Huwa ddikjara lill-Appostli tiegħu, “Fid-dinja tbatu jkollkom: iżda agħmlu l-qalb; jiena rbaħt id-dinja.”3 Sussegwentement, Ġesù talab lilna lkoll sabiex nagħmlu l-istess meta qal “Jiena rrid li intom ukoll tegħlbu d-dinja.”4
Għeżież ħuti, il-messaġġ tiegħi llum hu li peress li Ġesù Kristu għeleb din id-dinja mitlufa u peress li Huwa patta għal kull wieħed u waħda minna, intom ukoll tistgħu tegħlbu din id-dinja kkunsmata mid-dnub, egoista, u li ħafna drabi teżawrik.
Peress li s-Salvatur, permezz tal-Espjazzjoni infinita tiegħu, feda lil kull wieħed u waħda minna mid-dgħufija, mill-iżbalji, u mid-dnub, u peress li Huwa esperjenza kull uġigħ, inkwiet, u tagħbija li intom qatt esperjenzajtu,5 mela, hekk kif intom verament tindmu u tfittxu l-għajnuna tiegħu, intom tkunu tistgħu tegħlbu din id-dinja prekarja ta’ żmienna.
Tkunu tistgħu tegħlbu l-pesti spiritwali u emozzjonali li jeżawruna tad-dinja, fosthom l-arroganza, il-kburija, ir-rabja, l-immoralità, il-mibegħda, ir-regħba, l-għira, u l-biża’. Minkejja d-distrazzjoni u d-distorsjoni li nisimgħu madwarna, tkunu tistħu ssibu l-veru mistrieħ—jiġifieri s-solliev u l-paċi—anke f’nofs l-aktar problemi nkwetanti tagħkom.
Din il-verità importanti twassalna għal tliet mistoqsijiet fundamentali:
L-ewwel, xi tfisser li negħlbu d-dinja?
It-tieni, kif nistgħu nagħmlu dan?
U t-tielet, kif tiġi mbierka ħajjitna jekk negħlbu d-dinja?
Xi tfisser li negħlbu d-dinja? Ifisser li negħlbu t-tentazzjoni li jimpurtana aktar mill-ħwejjeġ ta’ din id-dinja milli mill-ħwejjeġ ta’ Alla. Ifisser li nafdaw fid-duttrina ta’ Kristu aktar milli fil-filosofiji tal-bnedmin. Ifisser li nitgħaxxqu fil-verità, niċħdu l-qerq, u nsiru “dixxipli umli ta’ Kristu.”6 Ifisser li nagħżlu li nibqgħu ’l bogħod minn kull ħaġa li tbegħeda mill-Ispirtu. Ifisser li nkunu lesti li “niċħdu” saħansitra d-dnubiet favoriti tagħna.7
Issa, li negħlbu d-dinja ċertament ma jfissirx li f’din il-ħajja nsiru perfetti, jew li l-problemi tagħkom jevaporaw b’mod maġiku—għax mhux se jiġri hekk. U ma jfissirx li intom mhux se tibqgħu xorta tiżbaljaw. Iżda li negħlbu d-dinja jfisser li r-reżistenza tagħkom li tidinbu tikber. Qalbkom tirtab hekk kif il-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu tikber.8 Li negħlbu d-dinja jfisser li nitgħallmu nħobbu lil Alla u lill-Ibnu l-Maħbub aktar milli nħobbu lil xi ħadd ieħor jew lil xi ħaġa oħra.
Kif, mela, nistgħu negħlbu d-dinja? Is-Sultan Benjamin għallimna kif. Hu qal li “il-bniedem naturali hu għadu ta’ Alla” u jibqa’ hekk għal dejjem “sakemm hu ma jissottomettix ruħu għat-tħajjir tal-Ispirtu s-Santu, u jinża’ minn fuqu l-bniedem naturali u jsir qaddis permezz tal-espjazzjoni ta’ Kristu l-Mulej.”9 Kull darba li intom tfittxu u timxu wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu, kull darba li tagħmlu xi ħaġa tajba—ħwejjeġ li “il-bniedem naturali” ma jagħmilx—intom tkunu qed tegħlbu d-dinja.
Li negħlbu d-dinja mhuwiex xi avveniment li jseħħ f’ġurnata jew tnejn. Dan iseħħ tul ħajjitna hekk kif ripetutament aħna nħaddnu d-duttrina ta’ Kristu. Aħna nikkultivaw il-fidi f’Ġesù Kristu billi nindmu kuljum u nħarsu l-patti li jiddotawna bil-qawwa. Aħna nibqgħu fit-triq tal-patt u niġu mberkin b’qawwa spiritwali, b’rivelazzjoni personali, b’fidi akbar, u bil-qadi tal-anġli. Li ngħixu d-duttrina ta’ Kristu jista’ jipproduċielna l-aktar ċiklu qawwi u virtuż, li joħolqilna dik l-ispinta spiritwali f’ħajjitna.10
Hekk kif nagħmlu li nistgħu biex ngħixu l-ogħla liġijiet ta’ Ġesù Kristu, qalbna u l-istess natura tagħna jibdew jinbidlu. Is-Salvatur jgħollina ’l fuq mill-ġibda ta’ din id-dinja mitlufa billi jberikna b’aktar karità, umiltà, ġenerożità, tjubija, awtodixxiplina, paċi, u mistrieħ.
Issa, taf tgħidu li dan jidher aktar bħala ħidma spiritwali bla heda milli mistrieħ. Iżda hawn hi l-verità kbira: waqt li d-dinja tinsisti li l-poter, il-ġid materjali, il-popolarità, u l-pjaċiri tal-ġisem iġibu l-kuntentizza, mhuwiex il-każ! Ma jistgħux! Dak li jipproduċu mhu xejn ħlief sostitut vojt għall-“istat imbierek u hieni” ta’ dawk li “jħarsu l-kmandamenti ta’ Alla.”11
Il-verità hi li hi ħaġa li teżawrik ferm aktar li tfittex il-kuntentizza fejn qatt ma tista’ ssibha! Madankollu, meta intom tgħaqqdulilkom infuskom mal-madmad ta’ Ġesù Kristu u tagħmlu l-ħidma spiritwali meħtieġa biex tegħlbu d-dinja, Hu, u Hu biss, għandu l-qawwa li jgħollikom ’il fuq mill-ġibda ta’ did-dinja.
Issa, kif tiġi mbierka ħajjitna jekk negħlbu d-dinja? It-tweġiba ċara: meta nidħlu f’relazzjoni ma’ Alla permezz tal-patti torbotna miegħu b’tali mod li dak kollu relatat mal-ħajja isir aktar faċli. Jekk jogħġobkom tifhmunix ħażn: jien ma għidtx li l-għamil tal-patti jagħme il-ħajja faċli. Fil-fatt, stennew l-oppożizzjoni, għaliex l-avversarju ma jridkomx tiskopru l-qawwa ta’ Ġesù Kristu. Iżda li tintrabtu mas-Salvatur ifisser li jkollkom aċċess għall-qawwa u l-qawwa feddejja tiegħu .
Jien nirriafferma t-tagħlim profond tal-President Ezra Taft Benson: “Il-bnedmin li jafdaw ħajjithom f’idejn Alla jiskopru li Huwa jista’ jagħmel ferm aktar b’ħajjithom milli jistgħu jagħmlu huma. Huwa jkabbar l-hena tagħhom, jespandi l-viżjoni tagħhom, idawwal moħħhom … iqawwi l-ispirti tagħhom, ikattar il-barkiet tagħhom, ikabbar l-opportunitajiet tagħhom, ifarraġ ruħhom, isibilhom il-ħbieb, u jsawwab fuqhom il-paċi.”12
Dawn il-privileġġi bla paragun isewgu lil dawk li jfittxu l-appoġġ tas-smewwiet biex jgħinhom jegħlbu din id-dinja. Għal dan il-għan, jiena nitlob mill-membri kollha tal-Knisja dak li tlabt mill-adulti żgħażagħ tagħna f’Mejju li għadda. Dak inhar jien tlabthom—u qed nitlob lilkom issa—biex tieħdu f’idejkom it-testimonjanza tagħkom ta’ Ġesù Kristu u tal-evanġelju tiegħu. Aħdmu għaliha. Ħudu ħsiebha ħalli tikber. Itimgħuha l-verità. Tniġġsuhiex b’filosofiji foloz ta’ nies li ma jemmnux. Hekk kif l-ogħla prijorità tagħkom issir li intom ssaħħu kontinwament it-testimonjanza tagħkom ta’ Ġesù Kristu, araw il-mirakli jseħħu f’ħajjitkom.13
Li nitlobkom dalgħodu hu li ssibu l-mistrieħ mill-intensità, mill-inċertezza, u min-niket ta’ did-dinja billi tegħlbu d-dinja permezz tal-patti tagħkom ma’ Alla. Ħalluh isir jaf permezz ta’ talbkom u l-għemejjel tagħkom li intom verament tridu tegħlbu lid-dinja. Itlobuh idawwal moħħkom u jibgħat l-għajnuna li teħtieġu. Kull jum, iktbu l-ħsibijiet li jiġukom waqt li titolbu; imbagħad aġixxu b’diliġenza. Għaddu aktar ħin fit-tempju u fittxu li tifhmu kif it-tempju jista’ jgħallimkom togħlew ’il fuq minn din id-dinja mitlufa.14
Kif iddikjarajt qabel, il-ġabra ta’ Iżrael hija l-aktar ħidma importanti li qed isseħħ fid-dinja llum. Element kruċjali ta’ din il-ġabra hi li tħejji nies li huma kapaċi, lesti, u denji li jirċievu lill-Mulej meta Hu jerġa’ jiġi, nies li għażlu diġà lil Ġesù Kristu u mhux lil din id-dinja mitlufa, nies li jithennew fil-volontà tagħhom li jgħixu l-liġijiet ogħla, u aktar qaddisa ta’ Ġesù Kristu.
Nitlobkom ilkoll, għeżież ħuti, biex issiru dan il-poplu ġust. Għożżu u onoraw il-patti tagħkom aktar mill-impenni l-oħra tagħkom kollha. Hekk kif tħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitkom, inwegħidkom aktar paċi, kunfidenza, hena, u iva, mistrieħ.
Bil-qawwa tal-appostolat qaddis li ġejt imlibbes bih, inberikkom fil-ħidma tagħkom li tegħlbu d-dinja. Inberikkom biex tkabbru l-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu u titgħallmu aħjar kif tistgħu tiddependu mill-qawwa tiegħu. Inberikkom biex tkunu kapaċi tagħrfu l-verità mill-iżball. Inberikkom li jkun jimpurtakom aktar mill-ħwejjeġ ta’ Alla milli mill-ħwejjeġ ta’ din id-dinja. Inberikkom biex tħarsu lejn il-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarkom u tqawwu lil dawk li tħobbu. Peress li Ġesù Kristu għeleb id-dinja, intom tistgħu tagħmlu l-istess. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.