Konferenza Ġenerali
Il-Patti ma’ Alla Jsaħħuna, Jipproteġuna, u Jħejjuna għall-Glorja Eterna
konferenza ġenerali April 2022


Il-Patti ma’ Alla Jsaħħuna, Jipproteġuna, u Jħejjuna għall-Glorja Eterna

Hekk kif nagħżlu li nagħmlu l-patti mal-Missier fis-Smewwiet u li nħarsuhom, aħna nkunu mberkin b’iktar kuntentizza f’din il-ħajja u ħajja eterna glorjuża fid-dinja li jmiss.

Ħuti, x’hena kbir dan li niltaqgħu f’sorellanza dinjija! Bħala nisa li nagħmlu u nħarsu l-patti ma’ Alla, aħna għandna flimkien rabtiet spiritwali li jgħinuna negħlbu l-isfidi ta’ żmienna u jħejjuna għat-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu. U l-ħarsien ta’ dawk il-patti jippermettilna nkunu nisa ta’ influwenza li jistgħu jiġbdu oħrajn lejn is-Salvatur.

Dawk li tgħammdu għamlu patt f’dak il-jum li ma jintesa qatt li jieħdu l-isem ta’ Ġesù Kristu fuqhom, li jiftakru fih dejjem, li jħarsu l-kmandamenti tiegħu, u li jservuh sal-aħħar. Meta nagħmlu dawn l-affarjiet, il-Missier fis-Smewwiet iwegħidna li jaħfrilna dnubietna u jagħtina s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu. Dawn il-barkiet ipoġġuna fit-triq li, jekk nibqgħu mexjin fiha u nibqgħu nżommu sħaħ sal-aħħar, tippermettilna li ngħixu miegħu u ma’ ibnu, Ġesù Kristu, fis-saltna ċelestjali. Kull persuna mgħammda għandha l-wegħda ta’ dawn il-privileġġi jekk hija żżomm il-patt li għamlet f’dak il-jum speċjali.

Dawk li jagħmlu iktar patti fit-tempju jirċievu wegħdi qawwijin dejjem skont il-fedeltà personali tagħhom. B’solennità nwiegħdu li nobdu l-kmandamenti ta’ Alla, li ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, li nkunu moralment safjin, u li niddedikaw il-ħin u t-talenti tagħna fis-servizz tal-Mulej. Min-naħa tiegħu, Alla jwiegħed barkiet f’din il-ħajja u l-opportunità li nirritornaw biex ngħixu miegħu.1 F’dak il-proċess, aħna ningħataw, jew niġu ddotati, il-qawwa ta’ dixxerniment bejn il-verità u l-iżball, bejn is-sewwa u l-ħażin, f’nofs viżibilju ilħna konfużi u negattivi li jibbumbardjawna minn kull naħa. X’rigal setgħan!

Bi preparazzjoni għall-ewwel żjara tiegħi fit-tempju, ommi u xi aħwa ta’ esperjenza tas-Soċjetà tal-Għajnuna għenuni nagħżel l-affarjiet li kien se jkolli bżonn, inkluż l-ilbies ċeremonjali mill-isbaħ. Iżda l-iktar tħejjija importanti waslet saħansitra qabel ma kont naf x’irrid nilbes. Wara li intervistani biex jiddetermina kontx denja, l-isqof tiegħi spjegali l-patti li kelli nagħmel. L-ispjega meqjusa tiegħu tagħtni ċ-ċans li naħseb u nitħejja biex nagħmel dawk il-patti.

Meta l-jum wasal, jien ipparteċipajt b’sentiment ta’ gratitudni u paċi. Anki jekk ma kontx fhemt is-sinifikat sħiħ tal-patti li għamilt, xorta għaraft li kont intrabatt ma’ Alla permezz ta’ dawk il-patti u kont ġejt imwiegħda barkiet li bilkemm stajt nifhem kieku kelli nżomm il-patti. Minn dik l-ewwel esperjenza, jien kont kontinwament assigurata li l-ħarsien tal-patti li nagħmlu ma’ Alla jippermettilna li nagħmlu użu mill-qawwa tas-Salvatur, ħaġa li ssaħħaħna fil-provi inevitabbli tagħna, tipprovdilna protezzjoni mill-influwenza tal-avversarju, u tippreparana għall-glorja eterna.

L-esperjenzi tal-ħajja jistgħu jvarjaw minn dawk umoristiċi għal dawk ta’ qsim ta’ qalb, minn koroh għal glorjużi. Kull esperjenza tgħinna nifhmu iżjed dwar l-imħabba bla qies tal-Missier u l-ħila tagħna li ninbidlu permezz d-don tal-grazzja tas-Salvatur. Il-ħarsien tal-patti tagħna jippermetti li l-qawwa tas-Salvatur issaffina hekk kif nitgħallmu mill-esperjenza—sew jekk ikun xi nuqqas żgħir jew inkella xi żball kbir. Il-Feddej tagħna jinsab hemm biex jilqagħna meta naqgħu jekk aħna nduru għalih.

Immaġni
Rappelling mal-irdum

Qatt xi darba kontu f’tarf ta’ rdum għoli bis-swaba’ ta’ saqajkom propju fuq it-tarf u b’daharkom iħares fuq l-abbiss ta’ taħt? Fir-rappelling, anki jekk taf li int mqabbad b’mod sikur ma’ sistema ta’ ħbula b’saħħithom u ma’ tagħmir li jista’ jniżżlek qawwija u sħiħa sa qiegħ l-irdum, li tkun wieqfa hemm fit-tarf hija esperjenza li tagħmillek ’l qalbek tħabbat sfrenatament. Biex titfa’ pass lura mill-irdum u tintleaq imdendla fl-arja jitlob fiduċja f’ankra, li tkun imqabbda sew ma’ oġġett imwaħħal ma’ xi ħaġa ma tiċċaqqlaqx. Titlob fiduċja fil-persuna li żżomm il-ħabel f’tensjoni inti u tkun nieżla. U għalkemm it-tagħmir jagħtik xi ftit abbiltà biex tikkontrolla l-ħin li tieħu biex tinżel, int irid ikollok kunfidenza fis-sieħeb tiegħek li hu mhux se jħallik taqa’.

Immaġni
Ankri tar-rappelling
Immaġni
Żagħżugħa nieżla ma’ irdum bir-rappelling

Jien niftakar b’ċarezza kbira nagħmel ir-rappelling ma’ grupp ta’ tfajliet. Jien kont l-ewwel waħda fil-grupp biex nibda. Hekk kif intfajt ’il barra mill-irdum, f’daqqa waħda bdejt nieżla bla kontroll. Għall-grazzja ta’ Alla, il-ħabel issikka u l-waqgħa sfrenata tiegħi twaqqfet. Kif kont imdendla hemm f’nofs dak il-wiċċ ta’ blat jaqta’ tal-irdum għoli, jiena tlabt bi ħrara għal dik il-persuna, jew dik il-ħaġa, li kienet qed tippreveni milli jien naqa’ fuq il-blat ta’ taħti.

Wara, sirt naf li l-bolt tal-ankra ma kienx ġie ssikkat tajjeb, u eżatt kif jien qbiżt mill-irdum, ir-raġel li kien qed iżommni kien ġie mitfugħ mal-art u mkaxkar f’ħakka t’għajn lejn it-tarf tal-irdum. B’xi mod jew ieħor, qabbad riġeljh bħal files ma’ xi blat. Kif żamm f’dik il-pożizzjoni, irnexxielu bi tbatija kbira jniżżilni bilmod, billi jerħi ftit ftit il-ħabel. Għalkemm ma stajtx narah, jien kont naf li kien qed jaħdem b’saħħtu kollha biex isalvani minn iktar periklu. Ħabib ieħor kien fil-qiegħ tal-irdum, ippreparat li jilqagħni jekk il-ħabel jinqata’. Kif wasalt fejn seta’ jilħaqni, dan qabad ix-xedd tiegħi u niżżilni bilmod sakemm wasalt fl-art.

B’Ġesù bħala l-ankra u s-sieħeb perfett tagħna, aħna assigurati mill-qawwa kollha mħabba tiegħu fi żminijiet ta’ prova u ta’ ħelsien eventwali permezz tiegħu. Kif għallem il-President M. Russell Ballard: “Il-fidi f’Alla u f’Ibnu, il-Mulej Ġesù Kristu, hija l- … ankra li jeħtiġilna f’ħajjitna li żżommna sodi matul żminijiet ta’ turbulanza u ħażen soċjali. … Il-fidi … trid tkun iċċentrata f’Ġesù Kristu, fuq ħajtu u l-espjazzjoni tiegħu, u fir-restawrazzjoni tal-evanġelju.”2

It-tagħmir spiritwali li żammna milli nitkissru fuq il-blat tal-avversità huma t-testimonjanzi tagħna ta’ Ġesù Kristu u l-patti li nagħmlu. Aħna nistgħu nafdaw f’dawn l-għajnuniet biex jiggwidawna u jġorruna lejn is-sigurtà. Bħala s-sieħeb tagħna li lest li jgħin, is-Salvatur mhux se jħallina naqgħu fejn ma jilħaqniex. Anki fi żminijiet li ngħaddu minn sofferenza u niket, Huwa qiegħed hemmhekk biex jelevana u jinkuraġġina. Il-qawwa tiegħu tgħinna wkoll biex nistejqru mill-impatt li jġibu l-għażliet spiss devastanti ta’ oħrajn. Madanakollu, aħna lkoll jeħtiġilna nilbsu x-xedd u naċċertaw irwieħna li l-għoqiedi huma kollha marbutin tajjeb. Jeħtieġ li nagħżlu li nkunu ankrati mas-Salvatur, li nkunu marbutin miegħu permezz tal-patti tagħna.3

Kif nistgħu nsaħħu dik l-ankra? Nitolbu b’qalb umli, nistudjaw u nixtarru l-iskrittura, nieħdu s-sagrament bi spirtu ta’ ndiema u reverenza, nistinkaw li nħarsu l-kmandamenti, u nimxu fuq il-parir tal-profeta. U hekk kif inwettqu l-ħidmiet ta’ kuljum f’dawk li huma modi “ogħla u aktar qaddisa,”4 aħna nsiru iktar marbuta mas-Salvatur u, fl-istess ħin, ngħinu lil oħrajn jersqu lejh.

X’infissru eżatt b’“mod ogħla u aktar qaddis”? Aħna nippruvaw ngħixu l-evanġelju fl-interazzjonijiet kollha tagħna. Aħna nieħdu ħsieb dawk fil-bżonn billi nimministraw verament, u hekk nesprimu l-imħabba permezz ta’ servizz sempliċi. Aħna naqsmu l-aħbar it-tajba tal-evanġelju ma’ dawk li għandhom bżonn il-paċi u l-qawwa f’ħajjithom u “ma jafux fejn isibuha.”5 Aħna naħdmu biex ngħaqqdu flimkien lill-familji għall-eternità fuq iż-żewġ naħat tal-velu. U għal dawk li għamlu l-patti fid-dar tal-Mulej, kif qal il-President Russell M. Nelson, “Kull patrun adult tat-tempju se jilbes il-garment qaddis tas-saċerdozju, [li] … jfakkarna … biex nimxu fuq it-triq tal-patt kull jum b’mod ogħla u iktar qaddis.”6 Dawn l-azzjonijet mhumiex biss bonanza okkażjonali iżda huma essenzjali għall-kuntentizza tagħna ta’ kuljum—u l-hena eterna tagħna.

M’hemm xejn iktar importanti għall-progress etern tagħna minn li nżommu l-patti tagħna ma’ Alla. Meta l-patti tagħna tat-tempju huma attivati, nistgħu nafdaw f’riunjoni kollha hena mal-maħbubin tagħna fuq in-naħa l-oħra tal-velu. Dak l-iben, jew ġenitur, jew konjuġi li diġà ħallew il-mortalità qed jittamaw b’qalbhom kollha li int tkun leali lejn il-patti tiegħek li jorbtukom flimkien. Jekk ninjoraw il-patti ma’ Alla jew ma neħduhomx bis-serjetà, qed inqiegħdu dak l-irbit etern f’periklu. Issa ż-żmien li nindmu, insewwu, u nippruvaw mill-ġdid.

Il-kuntentizza hija vojta jekk nibdlu l-barkiet ta’ hena eterna għall-kumdità momentarja. Irrispettivament tal-età tagħna, dik hija l-verità assoluta: is-sigriet għall-ferħ dejjiem hija li ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u nżommu l-patti tagħna. Il-profeta tagħna, il-President Nelson, affirma li “is-sigurtà aħħarija tagħna u l-unika kuntentizza dejjiema tagħna hija f’li nżommu mal-virga tal-ħadid tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, komplet bil-patti u l-ordinanzi tiegħu. Meta nagħmlu dan, nistgħu ninnavigaw b’sigurtà f’baħar imqalleb għaliex għandna aċċess għall-qawwa ta’ Alla.”7

Ħafna minna qed nesperjenzaw baħar imqalleb. Hekk nif nitħabtu mal-mewġ tal-avversità u xi minn daqqiet nagħmew bix-xita ta’ dmugħ li tinżel waqt diffikultajiet bħal dawk, aktarx ma nkunux nafu f’liema direzzjoni għandna naqdfu fid-dgħajsa tal-ħajja tagħna. Forsi lanqas biss nemmnu li għandna s-saħħa li naslu sax-xatt. Li tiftakru min intom—ulied maħbubin ta’ Alla—għaliex tinsabu fid-dinja, u l-għan tagħkom li tgħixu ma’ Alla u mal-maħbubin tagħkom jista’ jsaffi l-viżjoni tagħkom u jiddireġikom fid-direzzjoni tajba. F’nofs maltempata, hemm dawl jiddi biex jurina t-triq. “Jiena d-dawl li jiddi fid-dlam,”8 Ġesù ddikjara. Aħna ninsabu assigurati mis-sigurtà meta nħarsu lejn id-dawl tiegħu u meta nżommu l-integrità tal-patti tagħna.

Kien privileġġ li niltaqa’ ma’ nisa ta’ kull età minn madwar id-dinja, f’varjetà wiesgħa ta’ ċirkostanzi, li qed iżommu l-patti tagħhom. Kull ġurnata, huma jfittxu l-gwida tagħhom fil-Mulej u l-profeta tiegħu, aktar milli fil-midja popolari. Minkejja l-isfidi individwali tagħhom u l-filosofiji detrimentali tad-dinja li jippruvaw jaqtgħulhom qalbhom milli jżommu l-patti tagħhom, huma determinati li jibqgħu fit-triq tal-patt Huma jafdaw fil-wegħda ta’ “dak kollu li [il-] Missier għandu.”9 U hi x’inhi l-età tagħkom, kull waħda minnkom, intom in-nisa li għamiltu l-patti ma’ Alla, għandkom il-ħila li żżommu fil-għoli d-dawl tal-Mulej u twasslu oħrajn lejh.10 Meta intom iżżommu l-patti tagħkom, Huwa jberikkom bil-qawwa tas-saċerdozju tiegħu u jippermettilkom li jkollkom influwenza profonda fuq dawk kollha li jkollhom x’jaqsmu magħkom. Kif iddikkjara l-President Nelson, intom in-nisa li se twettqu l-profeziji li ġew imbassra!11

Għeżież ħuti, fuq kollox, ibqgħu fuq it-triq tal-patt lejn Ġesù Kristu! Aħna ġejna mberkin li ġejna fid-dinja fi żmien meta t-tempji jinsabu imferrxin madwar id-dinja kollha. It-twettiq u ż-żamma tal-patti tat-tempju huwa disponibbli għal kull membru denn tal-Knisja. Adulti żgħażagħ, m’għandkomx bżonn tistennew saż-żwieġ jew sa ma sservu missjoni biex tagħmlu dawk il-patti sagri. Intom tistgħu titħejjew bħala nisa żgħżagħ sabiex tkunu tistgħu tirċievu il-protezzjoni u l-qawwa li l-patti tat-tempju jagħtu, u dan jista’ iseħħ hekk kif tagħlqu 18-il sena u malli tkunu lesti u tħossu ix-xewqa fikom li tonoraw dawk il-patti tat-tempju.12 Intom li diġà rċevejtu l-barkiet tat-tempju, tħallux id-detraturi jew id-distrazzjonijiet ibegħdukom mill-veritajiet eterni. Studjaw u stasqu sorsi affidabbli għal għarfien ikbar tas-sinifikat sagru tal-patti li intom għamiltu. Morru fit-tempju kull darba li tistgħu u isimgħu lill-Ispirtu. Ħa tħossu riassigurazzjoni ħelwa li intom fit-triq tal-Mulej. Ħa ssibu l-kuraġġ biex tkomplu u anki ġġibu oħrajn magħkom.

Jien nixhed li hekk kif nagħżlu biex nagħmlu l-patti mal-Missier fis-Smewwiet u naċċessaw il-qawwa tas-Salvatur biex inżommuhom, aħna nkunu mberkin b’kuntentizza f’din il-ħajja ikbar minn kemm issa nistgħu nimmaġinaw u b’ħajja eterna glorjuża fid-dinja li jmiss.13 F’isem Ġesù Kristu, amen.