Librerija
L-Imħabba Sħiħa Tkeċċi l-Biża’ ‘l Barra


L-Imħabba Sħiħa Tkeċċi l-Biża’ ‘l Barra

Ejjew inwarrbu fil-ġenb il-biżgħat tagħna u minflok ngħixu ħajja mimlija ferħ, umiltà, tama u kunfidenza sħiħa li l-Mulej jinsab magħna.

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, xi privileġġ u x’ ferħ kbir li aħna qed niltaqgħu bħala Knisja dinjija magħqudin ilkoll fil-fidi u fl-imħabba tagħna lejn Alla u lejn uliedu.

Jiena speċjalment grat għall-preżenza tal-profeta għażiż tagħna, Thomas S. Monson. President, aħna dejjem ngħożżu l-kliem tiegħek ta’ direzzjoni, kunsill u għerf. Aħna nħobbuk President Monson u dejjem nitolbu għalik.

Snin ilu, meta jien kont qed inservi bħala president tal-wited ġewwa Frankfurt, il-Ġermanja, waħda oħt għażiża iżda mdejqa ġiet fuqi fi tmiem waħda mil-laqgħat tal-wited li kellna.

“Mhijix ħaġa terribbli?” qaltli hi. “Naħseb waqt id-diskors tiegħek kien hemm erba’ jew ħames minn nies reqdin fil-fond!”

Ħsibt ftit fuq dak li kienet qaltli u weġibtha, “Jiena ninsab ċert li raqda fil-knisja hija fost l-aktar raqdiet li jagħmlulek tajjeb fost l-irqad kollu.”

L-għażiża marti, Harriet, semgħet din il-konverżazzjoni qasira ta’ bejnietna u aktar tard qaltli li jien kont tajt waħda mill-aktar tweġibiet ħelwin li qatt tajt.

Il-Qawmien il-Kbir

Ftit tas-sekli ilu fl-Amerka ta’ Fuq, moviment imsejjaħ “il-Qawmien il-Kbir” spiċċa biex infirex mal-pajjiż kollu. Wieħed mill-oġġettivi ewlenin tiegħu kien li jqajjem lin-nies li dehru li kienu jinsabu reqdin fejn jidħlu ħwejjeġ spiritwali.

Iż-żagħżugħ Joseph Smith kien influwenzat mill-ħwejjeġ li huwa kien sema’ mingħand dawk il-predikaturi li kienu jagħmlu parti minn dan il-qawmien reliġjuż. Kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn huwa ddeċieda li jfittex b’ ħerqa li jsir jaf x’ kienet ir-rieda tal-Mulej billi jmur jitlob b’ mod privat.

Dawk il-predikaturi kellhom stil drammatiku u emozzjonali kif huma jippridkaw b’ diskors ikkaratterizzat minn enfażi kbira fuq it-terrur tan-nar tal-infern li hemm jistenna lill-midinbin.1 Id-diskors tagħhom ma kienx iwassal lin-nies biex jorqdu—iżda jista’ jkun li kien iwassal biex ħafna jispiċċaw joħolmu ikrah. L-għan u l-istil tagħhom jidher li kien li jaraw kif jagħmlu biex ibeżżgħu lin-nies li kienu jkunu fil-knisja.

Il-Biża’ bħala Manipulazzjoni

Storikament, il-biża’ ntużat ħafna drabi bħala mezz li bih twassal lin-nies jaslu biex iwettqu xi ħaġa. Il-biża’ kienet l-arma li ħafna drabi l-ġenituri użaw ma’ wliedhom, min iħaddem uża mal-impjegati, u l-politikanti mal-votanti.

L-esperti tal-markiting jifhmu l-qawwa tal-biża’ u għalhekk spiss jużawha. B’ hekk xi riklami jidhru li jippruvaw iwasslu l-messaġġ viżiv li jekk aħna ma nixtrux iċ-ċireali tagħhom biex nikluhom bħala l-kolazzjon tagħna ta’ filgħodu jew inkella nibqgħu mingħajr l-aħħar logħba tal-kompjuter jew mowbajl li qed ibigħu, aħna nirriskjaw li ngħixu ħajja mill-aktar miżerabbli, u niċċansjaw li mmutu fis-solitudni u d-dwejjaq.

Nitbissmu meta nisimgħu xi ħaġa bħal din u naħsbu li aħna qatt mhu se jaqgħu għal din it-tip ta’ manipulazzjoni, iżda xi kultant nispiċċaw naqgħu. Agħar minn hekk, xi kultant aħna nużaw metodi simili biex nġiegħlu lil ħaddieħor jagħmel dak li rridu aħna.

Il-messaġġ tiegħi llum għandu żewġ għanijiet: L-ewwel għan hu li b’ ħerqa jitlobna sabiex nikkontemplaw u nikkunsidraw kemm aħna nużaw il-biża’ biex nimmotivaw lil ħaddieħor—inkluż lilna stess. It-tieni għan hu li jissuġġerixxi mod aħjar.

Il-Problema bil-Biża’

L-ewwel, ejjew nindirizzaw il-problema tal-biża’. Wara kollox, min fostna jista’ jgħid li ma kienx hemm mumenti f’ ħajtu meta sforz il-biża’ huwa spiċċa biex beda jiekol aħjar, beda jilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà, beda jeżerċita lilu nnifsu, beda jfaddal xi ftit flus jew saħansitra jindem mid-dnub?

Huwa veru li l-biża’ jista’ jkollha influwenza mill-aktar qawwija fuq l-għemejjel u l-imġieba tagħna. Iżda hemm tendenza li dik l-influwenza tkun waħda temporanja u superfiċjali. Il-biża’ rari ħafna għandha l-qawwa li tibdel il-qlub tagħna, u qatt ma twassalna biex nittrasformaw ruħna f’ nies li nħobbu dak hu tajjeb u li rridu verament nobdu lil Missierna tas-Smewwiet.

In-nies li jibżgħu jafu jgħidu u jagħmlu dak li huwa tajjeb, iżda huma ma jħossux dak li hu tajjeb. Ħafna drabi huma jħossuhom mitlufin u offiżi, u saħansitra rrabjati. Maż-żmien dawn is-sentimenti jafu jwasslu biex huma ma jibqgħux jafdaw lil ħaddieħor u finalment jispiċċaw jisfidaw u saħansitra jirribellaw.

Sfortunatament, dan il-metodu ħażin ta’ kif inħarsu lejn il-ħajja u lejn it-tmexxija mhuwiex limitat biss għad-dinja sekulari. Inħossni nitnikket meta jien nisma’ membri tal-Knisja jeżerċitaw kontroll mhux xieraq—kemm jekk f’ darhom, fis-sejħiet tagħhom tal-Knisja, fuq ix-xogħol jew inkella bil-mod kif huma jikkomunikaw ma’ ħaddieħor fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Ħafna drabi, in-nies ġieli jikkundannaw l-abbuż ta’ ħaddieħor, iżda madankollu ma jagħtux ħarsa tal-għemil abbużiv tagħhom stess. Huma jistennew li ħaddieħor jobdi r-regoli tagħhom, iżda meta xi ħadd ma jimxix ma’ dawn ir-regoli li joħorġu bihom huma stess, jispiċċaw biex huma jabbużaw minn dan ix-xi ħadd b’ mod verbali, emozzjonali u xi kultant anke b’ mod fiżiku.

Il-Mulej qal li “meta aħna ... neżerċitaw kontroll jew dominju jew forza fuq ruħ ulied il-bnedmin, b’ kull mod li mhuwiex xieraq, ... jaslu biex jirtiraw il-qawwiet tas-smewwiet u jitnikket l-Ispirtu tal-Mulej.”2

Jista’ jkun li jiġu mumenti li fihom tiġina t-tentazzjoni li aħna niġġustifikaw għemilna billi nemmnu li dan aħna qed nagħmluh għall-aħjar ta’ dak li jkun. Aħna nafu naħsbu wkoll li jkun għall-aħjar tagħhom li aħna nikkontrollawhom, nimmanipulawhom u nkunu ħorox magħhom. Żgur li dan mhux minnu, għaliex il-Mulej għamilha ċara, “Il-frott tal-Ispirtu hija l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-manswetudni u t-temperament.”3

Mod Aħjar

Aktar ma jien insir naf lill-Missieri tas-Smewwiet, aktar jien ninduna kemm Huwa jispira u jmexxi lil uliedu. Huwa mhux wieħed li jirrabja, jivvendika ruħu jew jirritalja.4 Il-veru għan Tiegħu—il-ħidma Tiegħu u l-glorja Tiegħu—hu li jiggwidana, jeżaltana u jmexxina lejn il-milja sħiħa Tiegħu.5

Alla ddeskriva lilu nnifsu lil Mosè bħala “mimli ħniena, grazzja u sabar, u abbundanti fit-tjubija u l-verità.”6

L-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet għalina, uliedu, tiżboq bil-kbir l-abbiltà tagħna li nifhmuha għal kollox.7

Allura dan ifisser li Alla jaċċetta jew jagħlaq għajnejh għal imġieba li tmur kontra l-kmandamenti Tiegħu? Le, żgur li le!

Iżda dak li jixtieq jibdel fina hija ferm aktar minn sempliċiment l-imġieba tagħna. Huwa jrid jibdel l-istess natura tagħna. Huwa jrid jibdel qlubna.

Huwa jridna ngħinu kemm nistgħu lil ħaddieħor u nżommu sod mal-bastun tal-ħadid, nikkonfrontaw il-biżgħat tagħna, u b’ kuraġġ nimxu ‘l quddiem b’ ħarsitna ‘l fuq fit-trejqa stretta u dejqa. Huwa jrid dan minna għaliex Huwa jħobbna u għax din hija l-unika triq li twassal għall-ferħ.

Mela fi żmienna, Alla kif jimmotiva lil uliedu biex huma jimxu warajh?

Alla Bagħat lil Ibnu!

Alla bagħat lil Iben Imnissel Waħdieni Tiegħu, Ġesù Kristu, biex jurina l-aħjar triq.

Alla jimmotivana permezz tal-persważjoni, tas-sabar, tal-ġentilezza, tal-manswetudni u tal-imħabba ġenwina.8 Alla jinsab fuq in-naħa tagħna. Huwa jħobbna, u meta aħna naqgħu, Huwa jridna nerġgħu nqumu, nerġgħu nippruvaw u nsiru aktar b’ saħħitna.

Huwa l-gwida ta’ fiduċja tagħna.

Huwa t-tama kbira u għażiża tagħna.

Huwa jixtieq jistimulana bil-fidi.

Huwa għandu fiduċja li aħna kapaċi nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u li naslu li nagħżlu t-tajjeb.

Din hija l-aħjar triq!9

Xi Ngħidu dwar il-Ħażen fid-Dinja?

Wieħed mill-modi kif Satana jridna nimmanipulaw lil ħaddieħor hu billi aħna noqogħdu niffukaw fuq il-ħażen tad-dinja u saħansitra nispiċċaw inkabbruh aktar milli hu.

Ċertament li d-dinja tagħna minn dejjem kienet u se tkompli tkun waħda imperfetta. Hawn wisq nies innoċenti li qegħdin isofru minħabba ċ-ċirkustanzi tan-natura kif ukoll minħabba l-krudeltà tal-bniedem. Il-korruzzjoni u l-ħażen fi żmienna huma verament uniċi u allarmanti.

Iżda minkejja dan kollu, jien ma nasalx impartat dan iż-żmien biex forsi ngħix f’ xi żmien ieħor fl-istorja tad-dinja. Aħna verament imberkin li qed ngħixu fi żmien ta’ prosperità u żmien daqshekk imdawwal u vvantaġġjat b’ tali mod li d-dinja qatt ma esperjenzat qabel. Fuq kollox, aħna mberkin li għandna l-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, li jagħtina perspettiva unika tal-periklu tad-dinja u jurina kif aħna nistgħu nevitaw jew nikkumbattu dan il-periklu.

Meta jien naħseb dwar dawn il-barkiet, jien inkun nixtieq ninxteħet għarkupptejja u nfaħħar lil Missierna tas-Smewwiet għall-imħabba bla qies li għandu għal uliedu kollha.

Ma nemminx li Alla jrid li wliedu jgħixu ħajjithom beżgħana jew li jgħaddu ħinhom kollu jaħsbu dwar il-ħażen tad-dinja. “Għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan.”10

Huwa tana abbundanza ta’ raġunijiet għalfejn aħna għandna nkunu ferħanin. Jeħtieġ biss li aħna nagħrfuhom u nikkonoxxuhom. Il-Mulej spiss ifakkarna: “la tibżgħux,” “agħmlu l-qalb,”11 u “merħla ċkejkna, tibża’ xejn.”12

Il-Mulej Jiġġieled il-Battalja Tagħna

Ħuti, aħna l-“merħla ċkejkna” tal-Mulej. Aħna l-Qaddisin tal-aħħar jiem. Permezz ta’ isimna aħna writna l-impenn li nħarsu ‘l quddiem lejn il-miġja tas-Salvatur u li nħejju lilna nfusna u lid-dinja biex nilqgħuh. Għalhekk, ejjew mela naqdu lil Alla u lil għajrna. Ejjew nagħmlu dan b’ kunfidenza naturali, b’ umiltà, fejn qatt m’għandna nħarsu b’ disprezz lejn xi reliġjon oħra jew lejn xi grupp ieħor ta’ nies. Ħuti, aħna mitlubin biex nistudjaw il-kelma ta’ Alla u nagħtu kas tal-leħen tal-Ispirtu, biex inkunu nistgħu nsiru nafu “s-sinjali taż-żminijiet u s-sinjali tal-miġja ta’ Bin il-Bniedem.”13

Għalhekk aħna żgur ma nistgħux ngħidu li ma nafux dwar l-isfidi tad-dinja, jew li m’aħniex konxji tad-diffikultajiet ta’ żminijietna. Iżda dan ma jfissirx li kontinwament aħna għandna ngħabbu lilna nfusna u lil ħaddieħor bil-biża’. Minflok ma noqogħdu niffokaw fuq l-immensità tal-isfidi tagħna, ma jkunx aħjar jekk aħna niffokaw fuq il-kobor infinit u t-tjubija infinita u fil-qawwa assoluta ta’ Alla tagħna, nafdaw fih u niħejjew b’ qalb mimlija ferħ għar-ritorn ta’ Kristu Ġesù?

Bħala l-poplu Tiegħu tal-patt, jeħtieġ li aħna ma nipparalizzawx ruħna bil-biża’ għaliex f’ ħajjitna nistgħu ngħaddu minn xi ħaġa xejn sabiħa. Minflok, aħna nistgħu nimxu ‘l quddiem bil-fidi, bil-kuraġġ, bid-determinazzjon u jeħtieġ nafdaw f’ Alla hekk kif aħna niffaċċjaw kemm l-isfidi kif ukoll l-opportunitajiet li jkollna quddiemna.14

Fit-triq tagħna bħala dixxipli aħna ma nimxux weħidna. “Il-Mulej Alla tiegħek ... se jimxi miegħek; mhux se jiddiżappuntak, jew iħallik waħdek.”15

“Il-Mulej jitqabad għalikom, mingħajr xejn ma tagħmlu intom.”16

Meta nħabbtu wiċċna mal-biża’, ejjew insibu l-kuraġġ, inħaddmu l-fidi tagħna u nafdaw fil-wegħda li “l-ebda arma magħmula kontrik ma tiswa.”17

Huwa veru li aħna qed ngħixu fi żmien ta’ periklu u nkwiet? Dażgur li veru.

Alla nnifsu qal, “Fid-dinja tbatu jkollkom: iżda agħmlu l-qalb; jiena rbaħt lid-dinja.”18

Nistgħu aħna neżerċitaw fidi li twassalna biex nemmnu u naġixxu skont din l-istess fidi? Nistgħu aħna ngħixu leali għall-wegħdiet u l-patti sagri li aħna għamilna? Nistgħu aħna nżommu l-kmandamenti ta’ Alla anke f’ ċirkustanzi li jistgħu jkunu verament diffiċli? Dażgur li nistgħu!

Aħna nistgħu għaliex Alla wiegħed, “Fl-aħħar mill-aħħar, kollox se jseħħ għall-aħjar tagħkom, jekk intom timxu sewwa.”19 Għalhekk, ejjew inpoġġu fil-ġenb il-biżgħat tagħna u ngħixu minflok ħajja mimlija ferħ, umiltà, tama u kunfidenza sħiħa li l-Mulej hu magħna.

L-Imħabba Sħiħa Tkeċċi l-Biża’ ‘l Barra

Għeżież ħbieb tiegħi, għeżież ħuti fi Kristu, jekk aħna qatt nispiċċaw ngħixu maħkumin mill-biża’ u mill-anzjetà, jew jekk qatt insibu li l-istess kliemna, l-istess attitudni tagħna jew l-istess għemejjel tagħna qed jikkawżaw il-biża’ f’ ħaddieħor, jien nitlob bil-qawwa kollha ta’ ruħi li aħna niġu meħlusin minn din il-biża’ permezz tal-antidot kontra l-biża’ li ġiet mogħtija lilna b’ mod divin: l-imħabba pura ta’ Kristu, għaliex “l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ‘l barra.”20

L-imħabba sħiħa ta’ Kristu tegħleb it-tentazzjonijiet li jista’ jkollna li nweġġgħu, nisfurzaw, nabbużaw jew noppressaw lil ħaddieħor.

L-imħabba sħiħa ta’ Kristu tagħtina ċ-ċans li nimxu b’ umiltà, b’ dinjità u b’ kunfidenza sħiħa bħala dixxipli tal-maħbub Salvatur tagħna. L-imħabba sħiħa ta’ Kristu tagħtina l-kunfidenza li nibqgħu għaddejjin minkejja l-biżgħat tagħna u nafdaw bis-sħiħ fil-qawwa u t-tjubija ta’ Missierna tas-Smewwiet u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.

Fi djarna, fil-postijiet tagħna tan-negozju, fis-sejħiet tagħna tal-Knisja, fi qlubna, ejjew naraw li minflok bil-biża’ nimtlew bl-imħabba sħiħa ta’ Kristu. L-imħabba ta’ Kristu tibdel il-biża’ f’ fidi!

L-imħabba Tiegħu twassalna biex aħna nagħrfu, nafdaw u naslu biex ikollna l-fidi fit-tjubija ta’ Missierna tas-Smewwiet, fil-pjan divin Tiegħu, fl-evanġelju Tiegħu u fil-kmandamenti Tiegħu.21 L-imħabba tagħna lejn Alla u lejn għajrna twassal biex tibdel l-ubbidjenza tagħna għall-kmandamenti ta’ Alla f’ barka u mhux f’ tagħbija. L-imħabba ta’ Kristu tgħinna nsiru aktar ħanina, tgħinna nkunu kapaċi naħfru u nħobbu aktar u nkunu aktar dedikati lejn il-ħidma Tiegħu.

Hekk kif aħna nimlew qlubna bl-imħabba ta’ Kristu, aħna għad nistenbħu mill-ġdid b’ freskezza spiritwali u ngħixu ħajjitna mimlijin ferħ, kunfidenza u ħajja fid-dawl u l-glorja tas-Salvatur għażiż tagħna, Ġesù Kristu.

Jiena nixhed, flimkien mal-Appostlu Ġwanni, “Fl-imħabba ta’ Kristu ma hemmx biża’.”22 Ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, Alla jafkom perfettament. Huwa jħobbkom perfettament. Huwa jaf x’hemm lest għalikom fil-futur. Huwa jridkom biex “ma tibżgħux, iżda araw li temmnu”23 u “ibqgħu fl-imħabba sħiħa tiegħu.”24 Din hija t-talba u l-barka tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. George Whitefield u Jonathan Edwards huma żewġ eżempji prominenti ta’ dan it-tip ta’ predikatur.

  2. Doctrine and covenants 121:37.

  3. Galatin 5:22–23.

  4. F’ kkażżjoni minnhom, is-Salvatur ried jidħol ġo raħal tas-Samaritani, iżda n-nies ma tawx kas ta’ Ġesù u ma laqgħuhx fir-raħal tagħhom. Tnejn mid-dixxipli Tiegħu ħassewhom offiżi ħafna b’ dan u talbu, “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” Ġesù weġibhom permezz ta’ din it-twissija: “Intom ma tafux minn liema spirtu magħmulin. Għax Bin il-Bniedem ma ġiex biex jeqred il-ħajjiet tal-bnedmin, iżda biex isalvahom” (ara Luqa 9:51–56).

  5. Ara Moses 1:39; ara wkoll Efesin 3:19.

  6. Esodu 34:6.

  7. Ara Efesin 3:19.

  8. Ara Doctrine and Covenants 121:41: M’hemmx dubju jekk Alla jistenna li aħna, l-ulied mortali Tiegħu, naġixxu bejnietna b’ dan il-mod, Hu—l-esseru perfett li jippossedi kull virtù—huwa l-mudell ta’ din it-tip ta’ mġieba.

  9. Il-Kunsill primortali fis-Sema huwa eżempju tajjeb li jurina b’ mod ċar il-karattru ta’ Alla. Hemmhekk Missierna tas-Smewwiet ppreżenta l-pjan Tiegħu għall-progress etern tagħna. L-elementi ewlenin ta’ dak il-pjan jinkludu l-għażla ħielsa, l-ubbidjenza u s-salvazzjoni permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu. Luċifru, madankollu, ippropona xi ħaġa differenti. Huwa ta garanzija li kulħadd kien se jkollu jobdi—biex ħadd ma jintilef. L-uniku mod biex dan seta’ jitwettaq kien permezz tal-oppressjoni u l-forza. Iżda Missier tas-Smewwiet li tant iħobbna mhux se jippermetti dan it-tip ta’ pjan. Huwa kien jgħożż ferm l-għażla ħielsa ta’ wliedu. Huwa kien jaf li tul it-triq tagħna kien jeħtieġ li aħna nwettqu ċerti żbalji jekk aħna rridu verament nitgħallmu. U kien għalhekk li Huwa pprovdielna Salvatur, li s-sagrifiċċju etern Tiegħu jista’ jnaddafna mid-dnub u jagħtina ċ-ċans li nerġgħu nidħlu lura fis-saltna ta’ Alla.

    Allura meta Missierna tas-Smewwiet ra li ħafna minn uliedu l-għeżież kienu ġew imqarrqin minn Luċifru, Huwa sfurzahom biex jimxu wara l-pjan Tiegħu? Huwa intimida jew hedded lil dawk li kienu qed jagħmlu għażla mill-aktar terribbli? Le. Alla tagħna li jista’ kollox seta’ faċilment waqqaf din ir-ribelljoni. Huwa seta’ sforza r-rieda Tiegħu fuq id-dissidenti u ġegħilhom sabiex jaqblu bilfors. Iżda minflok, Huwa ta ċ-ċans lil uliedu biex huma jagħżlu għalihom infushom.

  10. 2 Timothy 1:7.

  11. Ara, per eżempju, Ġożwè 1:9; Isaija 41:13; Luqa 12:32; Ġwanni 16:33; 1 Pietru 3:14; Doctrine and Covenants 6:36; 50:41; 61:36; 78:18.

  12. Luqa 12:32.

  13. Doctrine and Covenants 68:11.

  14. Il-kunsill ta’ Mosè għan-nies ta’ żmienu għadu jgħodd sal-ġurnata tal-lum: “Tibżgħux. … Araw is-salvazzjoni li se jġibilkom illum il-Mulej” (Eżodu 14:13).

  15. Dewteronomju 31:6.

  16. Eżodu 14:14, Verżjoni Ġdida ta’ King James.

  17. Isaija 54:17.

  18. Ġwanni 16:33.

  19. Doctrine and Covenants 90:24; ara wkoll 2 Korintin 2:14; Doctrine and Covenants 105:14.

  20. 1 Ġwanni 4:18.

  21. Ejjew niftakru li s-Salvatur ma ġiex “fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġwanni 3:17). Fil-fatt, “hu xejn ma jagħmel jekk ma jkunx ta’ benefiċċju għad-dinja; għaliex huwa jħobb lid-dinja, u saħansitra hu ta ħajtu biex iressaq lill-bnedmin kollha lejh” (2 Nephi 26:24).

  22. 1 Ġwanni 4:18; ara wkoll 1 Ġwanni 4:16.

  23. Mark 5:36.

  24. Ġwanni 15:10.