Ngħożżu l-Ħajja
Il-ħajja hija l-aktar parti prezzjuża fil-pjan perfett ta’ Missierna, u permezz tad-digriet tiegħu aħna ngħożżu u nippreservaw il-ħajja.
Is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, għallimna “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”
M’ilux, wieħed isqof f’Utah tkellem miegħi dwar kemm il-membri fil-qasam tiegħu wrew imħabba lejn waħda tfajla u l-familja tagħha. Wara sensiela ta’ ġrajjiet mill-isbaħ, il-ġenituri kienu determinati li jerġgħu lura lejn is-Salvatur u l-Knisja tiegħu. Tul iż-żmien li fih kienu jinsabu ’l bogħod mill-Knisja, iż-żagħżugħa binthom kellha x’taqsam ma’ wieħed żagħżugħ. Meta reġgħet lura, din il-bint prezzjuża setgħet tħoss l-imħabba mill-aktar kbira li Missierha fis-Smewwiet kellu għaliha waqt laqgħa ta’ testimonjanza fil-klassi tat-Tfajliet. Hija kienet determinata li tgħix b’mod aktar sħiħ il-kmandamenti. Hija kitbet, “Jien bdejt il-proċess tal-indiema flimkien mal-isqof tiegħi.”
Ftit wara, hija ħassitha ma tiflaħx. Skont kliemha: “Test li għamilt wera … li kont tqila. Jiena … bdejt nibki. … Missieri għannaqni f’dirgħajh u tani l-kelma tiegħu li kollox kien se jkun sew. … L-għarus tiegħi … talabni biex neħles mit-tarbija. … Jiena m’aċċettajtx.”
Nieħdu Ħsieb ta’ Dawk fil-Bżonn
Hi kompliet: “Jien rċevejt imħabba u għajnuna kbira mill-familja tagħna tal-qasam. Kienet ħaġa mill-aktar kommoventi. L-isqof u l-president tat-Tfajliet tiegħi għamlu dak kollu li setgħu biex juruni l-imħabba u s-sapport tagħhom. … Jiena stajt nara id il-Mulej … tiggwida lili u l-familja tiegħi. … Qasam bħal tiegħi huwa l-familja li kulħadd jeħtieġ, speċjalment għal tfajla fil-pożizzjoni tiegħi.”
Hi u l-familja tagħha, u l-familja tal-qasam tagħha laqgħu fosthom lil binha tarbija fi Frar li għadda.
Il-President Russell M. Nelson qal, “Karatteristika ewlenija tal-Knisja vera u ħajja tal-Mulej dejjem se tkun … l-isforz organizzat tagħna li nimministraw lill-ulied individwali ta’ Alla … [nimministraw bi tjubija kollha mħabba] persuna, persuna, kif għamel Hu.”
Ngħinu Nsaħħu l-Għażliet Ġusti
Meta mara single tiskopri li qed tistenna tarbija bla ma kien mistenni, ċertu tħassib minħabba saħħa, taqlib spiritwali, imbarazzament, inkwiet finanzjarju, mistoqsijiet dwar edukazzjoni, inċertezza dwar żwieġ, u ċertu niket minħabba ħolm li għosfor jistgħu, f’mument ta’ diffikultà u tfixkil, iwasslu lil mara intelliġenti biex tieħu ċerti deċiżżjonijiet li jġibu magħhom bosta uġigħ u dispjaċir.
Għal dawk li qed jisimgħuni li esperjenzaw l-uġigħ u d-dispjaċir kbir li jesperjenza min jagħmel jew jipparteċipa f’abort, jekk jogħġobkom ftakru: Minkejja li ma nistgħux nibdlu l-passat, Alla jista’ jfejjaq il-passat. Il-maħfra tista’ tasal permezz tal-miraklu tal-grazzja espjatorja tiegħu, hekk kif intom idduru lejh b’qalb umli u niedma.
Hemm żewġ kelmiet li spiss narawhom marbutin mat-twelid mortali: il-ħajja u l-għażla. Il-ħajja hija l-aktar parti prezzjuża fil-pjan perfett ta’ Missierna, u permezz tad-digriet tiegħu aħna ngħożżu u nippreservaw il-ħajja; u aħna nagħżlu l-kontinwazzjoni tal-ħajja ladarba tkun bdiet fil-ġuf. Aħna ngħożżu wkoll ir-rigal tal-għażla, tal-volontà morali—li ngħinu nsaħħu l-għażliet ġusti approvati minn Alla li jġibu magħhom il-ferħ ta’ dejjem.
Meta mara u raġel ikunu qegħdin fi żmien daqstant fraġli, u jiffaċċjaw għażla daqstant kritika, kliemna, idejna, u qlubna—b’mod spiritwali, emozzjonali, u finanzjarju—jistgħu jberkuhom billi jħossu l-imħabba tas-Salvatur u kif qal il-President Henry B. Eyring ngħinuhom jiftħu l-għajnejn spiritwali tagħhom minn “dak li huma jaħsbu li jkunu qed jaraw” għal “dak li għadhom ma jistgħux jaraw.”
Id-Duttrina tal-Ħajja Mortali
Il-President Dallin H. Oaks qal: “L-attitudni tagħna lejn l-abort mhijiex ibbażata fuq xi għarfien li ġie żvelat lilna dwar meta tibda l-ħajja mortali. … Huwa bbażat fuq l-għarfien tagħna lit … l-ulied spirtu ta’ Alla kollha jeħtieġ li jiġu fuq din l-art għal għan glorjuż, u li l-identità individwali bdiet ferm qabel il-konċepiment u sejra tkompli fl-eternitajiet kollha li ġejjin.”
Il-kelma tal-Mulej fejn jidħlu t-trabi li għadhom ma tweldux, li ġiet żvelata lilna permezz tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, qatt ma nbidlet u tenfasizza l-kliem tal-profeti tul iż-żminijiet, li jipprovdu ċarezza divina għal dak li talab minna l-Mulej.
“Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien temmen fis-santità tal-ħajja umana. Għalhekk, il-Knisja topponi l-abort elettiv għall-konvenjenza personali jew soċjali, u tagħti parir lill-membri tagħha biex ma jissottomettux ruħhom għal tali abort, ma jwettquhx, ma jinkoraġġuhx, u lanqas iħallsu jew jirranġaw għalih.
“Il- [Mulej] jippermetti ċerti eċċezzjonijiet … meta:
-
It-tqala tirriżulta minn stupru jew inċest, jew
-
Tabib kompetenti jiddetermina li l-ħajja jew is-saħħa tal-omm tinsab f’periklu serju, jew
-
Tabib kompetenti jiddetermina li l-fetu għandu difetti severi li ma jippermettux lit-tarbija tibqa’ ħajja wara t-twelid.”
L-Ewwel Presidenza tkompli: “L-Abort huwa ħaġa mill-aktar serja. [Anke f’dawn is-sitwazzjonijiet rari] għandu jiġi kkunsidrat biss wara li l-persuni responsabbli jkunu rċevew konferma permezz tat-talb” u jiddiskutu ma’ ħaddieħor.
Tletin sena ilu, il-profeti tal-Mulej ħarġu proklamazzjoni lid-dinja. Hija kienet tinkludi dan il-kliem:
“Aħna … niddikjaraw ukoll li Alla kkmanda li l-qawwiet sagri tal-prokreazzjoni għandhom jintużaw biss bejn raġel u mara, miżżewġin bil-liġi.
“Niddikjaraw li l-mod li bih tinħoloq il-ħajja mortali huwa ġej minn Alla. Naffermaw il-qdusija tal-ħajja u l-importanza tagħha fil-pjan etern ta’ Alla.”
Li nikkultivaw u nipproteġu l-ħajja li għadha fil-ġuf mhijiex xi pożizzjoni politika. Hija liġi morali li l-Mulej ikkonfermaha permezz tal-profeti tiegħu.
Nitkellmu b’Mod Aktar Miftuħ
Dikjarazzjoni mill-President J. Reuben Clark Jr., li serva fl-Ewwel Presidenza tiddeskrivi liż-żgħażagħ tagħna llum: “Iż-żgħażagħ tal-Knisja huma għatxana għall-ħwejjeġ tal-Ispirtu; huma ħerqana li jitgħallmu l-evanġelju, u jridu li dan ikun b’mod dirett u ċar.” Huma jridu jkunu jafu dwar … it-twemmin tagħna; huma jridu jiksbu testimonjanza tal-verità tiegħu. Huma … iħobbu jkunu jafu, u jfittxu l-verità.” Ejjew nitkellmu aktar ta’ spiss maż-żgħażagħ tagħna, b’fidi u kompassjoni, fi djarna, u l-istess bejnietna fil-laqgħat tagħna tas-Soċjetà tas-Solliev u tal-kworum tal-presbiteri dwar il-liġi tal-Mulej fejn tidħol il-kastità, dwar il-qdusija tal-ħajja, u li nieħdu ħsieb lil trabi li għadhom fil-ġuf u ommijiethom.
Waħda oħta għażiża kitbitli dwar esperjenza li kellha għexieren ta’ snin ilu: “Meta kien għad kelli 17-il sena … , jiena ħriġt tqila u ftit jew xejn kelli sapport mill-għarus tiegħi. Ħassejt li kien ta’ għajb għalija u ħassejtni waħdi iżda qatt ma ġie f’moħħi li nagħmel abort. … Kelli l-għajnuna tal-familja tiegħi li kienet tħobbni u tal-isqof tiegħi, li miegħu bdejt niltaqa’ ta’ spiss biex jiggwidani. … Jiena dort lejn Alla. Bdejt nistudja l-iskrittura … u nitlob u sibt il-qawwa fis-Salvatur tiegħi u fil-proċess tal-indiema. … Jiena rċevejt tweġiba għal talbi li ma stajtx niċħad. … Kienet ta’ qsim il-qalb, iżda kont naf li kelli noffri lil binti għall-adozzjoni. … Jiena tlabt għall-kuraġġ u stajt inħoss l-imħabba tas-Salvatur b’tant qawwa permezz tal-indiema, li kont naf li Alla … jisma’ talbna u jsaħħaħna.”
Koppja li jafu jħobbu adottaw lit-tifla prezzjuża tagħhom meta kienet tarbija u għallmuha l-evanġelju. Illum hija mara miżżewġa b’familja sabiħa.
Xi kultant, il-protezzjoni tal-ħajja taf iġġib magħha ċerta inċertezza diffiċli u agonizzanti mill-aktar profonda.
M’ilux koppja żagħżugħa li jien u Kathy tassew inħobbu kitbulna dwar it-tarbija prezzjuża li qegħdin jistennew.
Il-missier kiteb: “Meta marti kellha 10 ġimgħat tqala aħna sirna nafu li t-tarbija mirakoluża tagħna kellha kundizzjoni ġenetika ta’ trisomija 21, magħrufa aħjar bħala Sindromu Down. Aħna kellna pressjoni … mil-għalqa tal-mediċina biex nikkunsidraw li ntemmu t-tqala. Ftit ġimgħat wara sibna li … t-tarbija tagħna li kienet għadha ma twelditx … kien se jkollha bżonn bosta operazzjonijiet tal-qalb fl-ewwel sena ta’ ħajjitha. Tul dan il-proċess hekk kif aħna tlabna b’qawwa għall-għajnuna divina, … aħna ħassejna l-Ispirtu jfarraġna. Aħna rċevejna r-rivelazzjoni u l-għarfien li bintna hija bint magħżula ta’ Missierna fis-Smewwiet u kellha xewqa kbira ħafna li tkun parti mill-familja tagħna u li tiġi fuq din l-art.”
Omm it-tarbija kitbet: “L-aħbar tassew ħasditna, ħawditna u nkwetatna. … Fl-14-il ġimgħa tat-tqala tiegħi, sirna nafu li t-tarbija tagħna kellha bosta difetti konġenitali tal-qalb, xi ħaġa li setgħet twassalha għall-mewt. Aħna morna naraw bosta tobba u speċjalisti mill-10 ġimgħa sat-18-il ġimgħa tat-tqala. … F’kull appuntament li kellna, konna niġu mistoqsijin jekk ridniex inkomplu bit-tqala jew le. … Is-Salvatur fejjaq qalbi u tani sens ta’ paċi u eċċitament dwar it-tarbija tagħna. … Missierna fis-Smewwiet urieni kemm-il darba li Huwa għandu pjan perfett għalija u jiena nafda fih.”
Huma laqgħu fosthom lit-tarbija tagħhom b’entużjażmu sewwasew ġimgħa ilum. Hija tagħhom u huma tagħha għal dejjem.
Il-fidi li ma tintimidax ruħha u l-kuraġġ liema bħalu huma l-karatteristiċi ewlenin tad-dixxipli ta’ Ġesù Kristu.
Eżempju tal-Għaġeb ta’ Fidi
Tul is-snin, jiena kelli l-privileġġ li niltaqa’ ma’ rġiel u nisa li b’umilta fittxew li jerġgħu lura lejn it-triq tal-patt u lejn il-barkiet tagħhom tas-saċerdozju u tat-tempju, bosta snin wara li ma kenux baqgħu membri.
F’okkażjoni minnhom, jien kelli nintervista raġel f’isem l-Ewwel Presidenza għar-restawrazzjoni tal-barkiet tiegħu tas-saċerdozju u tat-tempju.
Wara ż-żwieġ tiegħu fit-tempju mqaddes, u wara li kellhom tlett itfal meraviljużi, dan ir-raġel ma baqax fidil lejn martu u lejn il-patti sagri tiegħu. Waħda mara single ħarġet tqila u riedet tagħmel abort.
Il-mara qaddisa ta’ dan ir-raġel ħeġġet lil din il-mara biex twelled it-tarbija u wegħditha li kienet lesta trabbi t-tarbija ladarba hija titwieled flimkien ma’ wliedha.
Din il-mara single b’għaqal qablet li ma ttemx it-tqala.
Issa dan ilu 10 snin. L-oħt umli li kienet bilqiegħda quddiemi ħabbet lil din it-tarbija daqslikieku kienet tagħha u qaltli dwar l-isforz li għamel żewġha biex jirranġa l-iżbalji tiegħu u jħobb lilha u lill-familja u jieħu ħsiebhom. Waqt li bdiet titkellem il-missier infaqa’ jibki.
Din il-mara nobbli ta’ Alla kif irnexxielha tieħu għandha tifel li kuljum seta’ jfakkarha dwar l-infedelta ta’ żewġha? Kif? Għaliex hija sabet il-qawwa tagħha f’Ġesù Kristu u hija kienet temmen fis-santità tal-ħajja, fil-qdusija tal-ħajja. Hija kienet taf li t-tarbija li għadha ma twelditx kienet wild Alla, innoċenti u safja.
Għeżież ħuti, l-imħabba dejjem tonqos madwar id-dinja lejn it-trabi li għadhom fil-ġuf hija xi ħaġa inkwetanti. Alla jgħożż il-ħajja. Hija l-ħidma u l-glorja tiegħu li jwassal l-immortalità u l-ħajja eterna lil uliedu. Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna ngħożż l-ħajja. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” Jalla aħna naqsmu mħabbitna b’aktar abbundanza ma’ dawk li jeħtiġuna b’qawwa. Jiena nesprimi mħabbti lejkom u l-imħabba ta’ Missierna fis-Smewwiet għal uliedu li jiġu fid-dinja. F’isem Ġesù Kristu, ammen.