Konferenza Ġenerali
Dawl l-Imħabba u l-Verità tal-Evanġelju
konferenza ġenerali April 2021


Dawl l-Imħabba u l-Verità tal-Evanġelju

Jien nixhed li dawl l-imħabba u l-verità tal-evanġelju llum jinsab jiddi b’qawwa madwar id-dinja.

L-għanja sabiħa tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien “Isimgħu, Ġnus Kollha!” bla dubju tirrifletti l-entużjażmu, il-ferħ u l-eċċitament tal-milja tal-evanġelju mxandar madwar id-dinja. F’din l-għanja nkantaw:

Isimgħu, ġnus kollha! Isimgħu leħen is-smewwiet

F’kull ġens bil-ferħ kull ruħ imtliet!

Anġli tal-glorja jgħajtu flimkien:

Tal-verità t-tiġdid hu ż-żmien!1

Louis F. Mönch, l-awtur ta’ dan il-lirika ferrieħa, kien konvertit Ġermaniż li kiteb il-kliem ispirat għal din l-għanja waqt li kien qed jgħix fl-Isvizzera meta kien qed iservi bħala missjunarju full-time fl-Ewropa.2 Il-ferħ li nħossu hekk kif naraw b’għajnjena l-impatt globali tar-Restawrazzjoni ġie artikolat b’mod ċar fil-kliem li ġej ta’ din l-għanja:

Ifittxu fid-dalma, il-ġnus xerrdu d-dmugħ;

Waqt li l-għodwa tistenna, b’sabar kull ruħ.

Kulħadd issa jifraħ; id-dalma għaddiet.

Irrestawrata fid-dinja l-verità ġiet!3

Grazzi għall-bidu tal-Restawrazzjoni kontinwa ftit aktar minn 200 sena ilu, “dawl l-imħabba u l-verità tal-evanġelju”4 issa jinsab jiddi b’qawwa madwar id-dinja. Fl-1820, il-Profeta Joseph tgħallem, u minn dak iż-żmien ’l hawn miljuni oħra tgħallmu, li Alla “jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd.”5

Ftit wara l-organizzazzjoni tal-Knisja f’din l-aħħar dispensazzjoni, il-Mulej kellem lil Joseph Smith u wera l-imħabba kbira tiegħu lejna meta Huwa qal:

“Għalhekk, jiena l-Mulej, għax naf bl-għawġ li għandu jiġi fuq l-abitanti tad-dinja, sejjaħt lill-qaddej tiegħi Joseph Smith iż-żgħir, u kellimtu mis-smewwiet u lilu jiena tajtu kmandamenti; …

“Sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit il-patt ta’ dejjem tiegħi;

“Sabiex il-milja tal-evanġelju tiegħi tiġi ddikjarata mid-dgħajfin u mis-sempliċi ma’ kull rokna tad-dinja.”6

Ftit wara li ngħatat din ir-rivelazzjoni, bdew jissejħu l-missjunarji u jintbagħtu f’bosta ġnus madwar id-dinja. Kif antiċipa l-profeta Nefi, il-messaġġ tal-evanġelju rrestawrat beda jiġi mxandar, “fost kull ġens, tribù, ilsien, u poplu.”7

“Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ġiet organizzata b’mod formali f’kamra taz-zkuk fit-tramuntana ta’ New York fl-1830.

“Damet 117-il sena—sal-1947—biex il-Knisja kibret mill-ewwel sitt membri tagħha għal miljun persuna. Il-missjunarji kienu parti integrali mill-Knisja mill-ewwel żminijiet tagħha, billi nfirxu fl-artijiet tal-Amerikani Nattivi, sal-Kanada u, fl-1837, lil hinn mill-kontinent Nord Amerikan sal-Ingilterra. M’għaddiex wisq żmien meta l-missjunarji bdew jaħdmu fil-kontinent Ewropew, u marru ’l bogħod sal-Indja u l-Gżejjer tal-Paċifiku.

“Għaddew biss 16-il sena, fl-1963, biex il-knisja laħqet iż-żewġ miljun membru, u wara tmien snin intlaħqu t-tliet miljuni.”8

Meta m’ilux tkellem dwar dan it-tkabbir tal-Knisja, il-President Russell M. Nelson qal: “Illum, il-ħidma tal-Mulej fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tinsab miexja ’l quddiem b’pass mgħaġġel. Il-Knisja għandha futur bla preċedent u bla paragun.”9

Ir-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-Knisja ħajja tal-Mulej fid-dinja, u t-tkabbir meraviljuż li seħħ minn dak iż-żmien wassal biex il-barkiet tas-saċerdozju jkunu disponibbli madwar id-dinja kollha. L-ordinanzi u l-patti sagri li jgħaqqduna ma’ Alla u jpoġġuna fit-triq tal-patt huma turija mill-aktar ċara “tal-qawwa tad-divinità.”10 Hekk kif nipparteċipaw f’dawn l-ordinanzi sagri għall-ħajjin u għall-mejtin, aħna nkunu qed niġbru lil ulied Iżrael flimkien miż-żewġ naħat tal-velu u nħejju lid-dinja għat-Tieni Miġja tas-Salvatur.

F’April 1973, jien u l-ġenituri tiegħi tlaqna mill-pajjiż tagħna, l-Arġentina, biex niġu ssiġillati fit-tempju. Peress li dak iż-żmien fl-Amerika Latina ma kienx hemm tempji, aħna kellna nivvjaġġaw bl-ajruplan aktar minn 6,000 mil ’l hawn u ’l hemm biex niġu ssiġillati fit-Tempju ta’ Salt Lake. Minkejja li dak iż-żmien kelli biss sentejn u ma niftakarx kull ma seħħ f’dik l-esperjenza speċjali, f’moħħi baqgħu stampati tliet immaġini distinti minn dak il-vjaġġ u li għadni niftakarhom sal-lum.

Immaġni
Veduta minn tieqa ta’ ajruplan

L-ewwel, niftakar qed ipoġġuni viċin it-tieqa tal-ajruplan u nħares lejn is-sħab abjad li kien hemm taħti.

Dak is-sħab sabiħ u abjad baqa’ f’moħħi bħallikieku kien blalen enormi tat-tajjar.

Immaġni oħra li baqgħet f’moħħi hi dik ta’ ftit karattri umoristiċi ġo lunapark fl-inħawi ta’ Los Angeles. Diffiċli ninsa dawk il-karattri.

Iżda ta’ importanza ferm akbar hi din l-immaġni brillanti li ma ninsieha qatt:

Immaġni
Il-kamra tas-siġill tat-Tempju ta’ Salt Lake

Niftakarni b’mod ċar qiegħed f’kamra sagra tat-Tempju ta’ Salt Lake li fiha jitwettaq is-siġill tal-koppji u tal-familji għal żmien u l-eternità kollha. Niftakar l-artal sabiħ tat-tempju u niftakar id-dawl tax-xemx jiddi b’qawwa jippenetra l-kamra mit-tieqa ta’ barra. Dak il-ħin ħassejt, u għadni nħoss sal-lum, l-imħabba, is-sigurtà, u l-faraġ ta’ dawl l-imħabba u l-verità tal-evanġelju.

L-istess sentimenti ġew rriaffermati f’qalbi 20 sena wara, meta dħalt fit-tempju biex niġi ssiġillat għal darb’oħra—din id-darba hekk kif jien u l-għarusa tiegħi ġejna ssiġillati għaż-żmien u l-eternità kollha. Madankollu, f’din l-okkażjoni, aħna ma kellniex għalfejn nivvjaġġaw eluf ta’ mili, għax minn dak iż-żmien ’l hawn kien ġie mibni u ddedikat it-Tempju ta’ Buenos Aires, fl-Arġentina, u bil-karozza kien biss ftit ’il bogħod mid-dar tagħna.

Immaġni
Il-familja Walker

Tnejn u għoxrin sena wara ż-żwieġ u s-siġill tagħna, aħna kellna l-barka li nerġgħu lura fl-istess tempju, iżda din id-darba flimkien mal-għażiża tifla tagħna, u ġejna ssiġillati bħala familja għal żmien u l-eternità kollha.

Hekk kif bdejt nirrifletti dwar dawn il-mumenti ta’ ħajti mill-aktar sagri, ħassejt fija ferħ dejjiem u mill-aktar profond. Jien ħassejt u nkompli nħoss l-imħabba tal-kompassjoni ta’ Missierna fis-Smewwiet, li jaf il-bżonnijiet individwali tagħna u x-xewqat sinċiera tagħna.

Meta kien qed jindirizza l-ġabra ta’ Iżrael fl-aħħar żminijiet, il-Mulej Jaħweh qal, “Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.”11 Jiena eternament grat li minn meta kont għadni żgħir il-liġi tal-Mulej bdiet titnaqqax fil-fond ta’ qalbi permezz tal-ordinanzi sagri fid-dar imqaddsa tiegħu. Kemm hi ħaġa fundamentali li nkunu nafu li Hu Alla tagħna, li aħna l-poplu tiegħu, u tkun xi tkun iċ-ċirkustanza li nkunu fiha, jekk nibqgħu fidili u nobdu l-patti li għamilna, aħna nistgħu niġu “mħaddna eternament f’dirgħajn imħabbtu.”12

F’Ottubru 2019, waqt is-sessjoni tan-nisa tal-konferenza ġenerali, il-President Nelson qal, “L-isforzi kollha tagħna li nimministraw lil xulxin, li nxandru l-evanġelju, li nipperfezzjonaw lill-Qaddisin, u li nifdu lill-mejtin jiltaqgħu flimkien fit-tempju mqaddes.”13

Fl-istess konferenza ġenerali wkoll, il-President Nelson għallem: “Bla dubju, l-aktar parti importanti tar-Restawrazzjoni huwa t-tempju mqaddes. L-ordinanzi u l-patti sagri tiegħu huma kruċjali biex jitħejjew dawk in-nies li huma lesti ħalli jilqgħu lis-Salvatur fit-Tieni Miġja Tiegħu.”14

Ir-Restawrazzjoni kontinwa nistgħu narawha fil-bini u d-dedikazzjoni tat-tempji b’pass mill-aktar mgħaġġel. Hekk kif ninġabru fuq iż-żewġ naħat tal-velu, hekk kif nagħmlu sagrifiċċju biex inservu u nagħmlu t-tempju fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, il-Mulej ikun qed jibnina verament—Hu qed jibni l-poplu tal-patt tiegħu.

O, kemm jiddi glorjuż mit-tron fis-sema

Dawl l-imħabba u l-verità tal-evanġelju!

Daqs ix-xemx jiddi, dar-raġġ divin

Kull ġens hu jdawwal f’dan iż-żmien.15

Jien nixhed li dawl l-imħabba u l-verità tal-evanġelju llum jinsab jiddi b’qawwa madwar id-dinja. “L-għeġubijiet mill-aktar kbar” li tkellem dwarhom il-profeta Isaija16 u li kellu viżjoni tagħhom Nefi17 qed iseħħu b’pass mgħaġġel, anke f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. Kif iddikjara b’mod profetiku Joseph Smith, “L-Istandard tal-Verità ġie mgħolli; l-ebda id mhux qaddisa ma tista’ twaqqaf din il-ħidma milli timxi ’l quddiem … sakemm l-għanijiet ta’ Alla jitwettqu u l-Kbir Jaħweh jgħid li l-ħidma lesta.”18

Ħuti, jalla aħna b’ħerqa niddeċiedu llum li nagħtu lilna nfusna u lill-familji tagħna għas-smigħ ta’ leħen is-smewwiet, sewwasew leħen is-Salvatur tagħna. Jalla aħna nagħmlu u nħarsu l-patti li għamilna ma’ Alla li jżommuna fermi fit-triq li twassalna lura fil-preżenza tiegħu, u jalla aħna nifirħu fil-barkiet tad-dawl glorjuż u l-verità tal-evanġelju tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, amen.