Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Proklamazzjoni tar-Restawrazzjoni


Ir-Restawrazzjoni tal-Milja tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu

Proklamazzjoni Biċentinarja lid-Dinja

Din il-proklamazzjoni nqrat mill-President Russell M. Nelson bħala parti mill-messaġġ tiegħu fil-190 Konferenza Ġenerali Annwali, li saret fil-5 ta’ April, 2020, fil-Belt ta’ Salt Lake, Utah.

Aħna solennement niddikjaraw li Alla jħobb lil uliedu f’kull ġens tad-dinja. Alla l-Missier tana t-twelid divin, il-ħajja inkomparabbli, u s-sagrifiċċju infinit tal-Espjazzjoni ta’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu. Bil-qawwa tal-Missier, Ġesù reġa’ qam u kiseb ir-rebħa fuq il-mewt. Huwa s-Salvatur tagħna, l-Eżemplar tagħna, u l-Feddej tagħna.

Mitejn sena ilu, f’għodwa mill-isbaħ tar-rebbiegħa tal-1820, it-tfajjel Joseph Smith, li beda jfittex li jkun jaf ma’ liema knisja kellu jingħaqad, mar jitlob fil-bosk ħdejn id-dar tiegħu fit-tramuntana ta’ New York, fl-Istati Uniti. Hu kellu mistoqsijiet dwar is-salvazzjoni ta’ ruħu u kellu fiduċja li Alla kien se jidderiġih.

B’umiltà, aħna niddikjaraw li b’risposta għat-talba tiegħu, Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, dehru lil Joseph u inawguraw ‘it-tiġdid kollu” (Atti 3:21) kif kien imħabbar fil-Bibbja. F’din il-viżjoni, huwa tgħallem li wara l-mewt tal-Appostli oriġinali, il-Knisja ta’ Kristu tat-Testment il-Ġdid kienet għosfrot mid-dinja. Joseph kien se jkun strumentali fir-ritorn tagħha.

Aħna naffermaw li taħt id-direzzjoni tal-Missier u tal-Iben, ġew messaġġiera mis-smewwiet biex jagħtu struzzjonijiet lil Joseph u jerġgħu jistabbilixxu l-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Ġwanni l-Battista mqajjem mill-imwiet irrestawra l-awtorità li tgħammed b’immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet. Tlieta mit-tnax-il Appostlu oriġinali—Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—irrestawraw l-appostolat u l-imfietaħ tal-awtorità tas-saċerdozju. Ġew oħrajn ukoll, fosthom Elija, li rrestawra l-awtorità li tgħaqqad il-familji flimkien għal dejjem f’relazzjonijiet eterni li jmorru lil hinn mill-mewt.

Aħna nixhdu wkoll li Joseph Smith ingħata d-don u l-qawwa ta’ Alla biex jittraduċi annali antiki: il-Ktieb ta’ Mormon—Testment Ieħor ta’ Ġesù Kristu. Paġni minn dan it-test sagru jinkludu rakkont tal-ministeru personali ta’ Ġesù Kristu fost nies li kien hemm fl-Emisfera tal-Punent ftit wara l-Qawmien tiegħu mill-Imwiet. Jgħallem dwar l-għan tal-ħajja u jispjega d-duttrina ta’ Kristu, li hi fil-qofol ta’ dak l-għan. Bħala skrittura li takkumpanja lill-Bibbja, il-Ktieb ta’ Mormon jixhed li l-bnedmin kollha huma wlied Missier fis-Smewwiet kollu mħabba, li Hu għandu pjan divin għal ħajjitna, u li Ibnu, Ġesù Kristu, jitkellem illum ukoll kif għamel fi żmien il-qedem.

Aħna niddikjaraw li Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, organizzata fis-6 ta’ April, 1830, hija l-Knisja rrestawrata ta’ Kristu tat-Testment il-Ġdid. Din il-Knisja hi ankrata mal-ħajja perfetta tal-ġebla tax-xewka tagħha, Ġesù Kristu, u mal-Espjazzjoni infinita u l-Qawmien mill-Imwiet letterali tiegħu. Ġesù Kristu għal darb’oħra reġa’ sejjaħ Appostli u tahom l-awtorità tas-saċerdozju. Hu jistieden lilna lkoll biex nersqu lejh u lejn il-Knisja tiegħu, biex nirċievu l-Ispirtu s-Santu, l-ordinanzi tas-salvazzjoni, u niksbu l-ferħ li jibqa’ għal dejjem.

Issa għaddew mitejn sena minn meta ngħata bidu għal din ir-Restawrazzjoni minn Alla l-Missier u Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu. Miljuni ta’ nies madwar id-dinja ħaddnu l-għarfien ta’ dawn il-ġrajjiet imħabbra.

Aħna bil-ferħ niddikjaraw li r-Restawrazzjoni mwiegħda se tibqa’ miexja ’l quddiem permezz tar-rivelazzjoni kontinwa. Id-dinja qatt mhi se terġa’ tkun l-istess, hekk kif Alla ‘kollox se jiġbor taħt ras waħda, li hu Kristu” (Efesin 1:10).

B’qima u gratitudni, aħna, bħala l-Appostli tiegħu, nistiednu lil kulħadd biex ikun jaf—kif nafu aħna—li s-smewwiet jinsabu miftuħin. Aħna naffermaw li Alla qiegħed jgħarraf ir-rieda tiegħu lill-għeżież uliedu. Aħna nixhdu li dawk li bl-għajnuna tat-talb jistudjaw il-messaġġ tar-Restawrazzjoni u jaġixxu b’fidi, ikunu mberkin li jiksbu x-xhieda personali tagħhom tad-divinità tagħha u tal-għan tagħha li tħejji lid-dinja għall-imwiegħda Tieni Miġja tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.