Librerija
Niġbru Flimkien il-Familja ta’ Alla


Niġbru Flimkien il-Familja ta’ Alla

Alla l-Missier irid li uliedu jerġgħu lura d-dar, bħala familji u fi glorja.

Għeżież ħuti, jiena nħossni verament kuntent bl-opportunità li għandi li nkun magħkom fil-bidu ta’ din is-sezzjoni tal-konferenza ġenerali. Nilqagħkom ilkoll b’ imħabba.

Żmien il-konferenza ġenerali dejjem kien żmien li fih il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem jinġabru flimkien. Issa ilna ħafna li bħala membri tant kbirna fin-numru li żgur mhux possibbli li ninġabru lkoll flimkien b’ mod fiżiku ġo post wieħed, iżda l-Mulej ipprovda diversi modi kif il-barkiet tal-konferenza ġenerali jkunu jistgħu jilħqu lilkom ilkoll, tinsabu fejn tinsabu. Minkejja li hija ħaġa mill-aktar impressjonanti li tara l-Qaddisin jinġabru f’ dan iċ-Ċentru tal-Konferenza daqstant kbir, aħna li nieqfu quddiem dan il-pulptu dejjem inżommu f’ moħħna l-miljuni ta’ nies li jinsabu miġburin magħna minn madwar id-dinja kollha, li qed jaraw u jisimgħu din il-konferenza. Ħafna minnkom tinsabu miġburin mal-familji tagħkom; xi wħud tafu tinsabu miġburin mal-ħbieb tagħkom jew ma’ sħabkom il-membri tal-Knisja.

Tinsabu fejn tinsabu u hu liema hu l-mezz li bih qed tisimgħu leħni, jekk jogħġobkom kunu afu li għalkemm intom ma tinsabux magħna fiżikament, aħna nħossu li intom tinsabu hawn magħna fl-ispirtu. Aħna nittamaw li intom ilkoll tħossukom ħaġa waħda magħna—li intom tħossu dik il-qawwa spiritwali li tkun preżenti kull meta grupp ta’ fidili jinġabru flimkien f’ isem Ġesu Kristu.

Jien ħassejt li llum kelli nkellimkom dwar tip ieħor ta’ ġabra. Din il-ġabra li se nitkellem dwarha ma sseħħx kull sitt xhur, bħall-konferenza ġenerali. Minflok, ilha sseħħ mingħajr interruzzjoni mill-ewwel żminijiet tar-Restawrazzjoni tal-Knisja, u f’ dawn l-aħħar snin qed isseħħ b’ aktar urġenza. Qed nirreferi għall-ġabra tal-familja ta’ Alla.

Biex niddeskrivi din il-ġabra, l-aħjar li nibda minn qabel ma aħna twelidna, qabel ma dak li l-Bibbja ssejjaħlu “il-bidu” (Ġenesi 1:1). Dak iż-żmien, aħna konna ngħixu ma’ Missierna tas-Smewwiet bħala l-ulied spirtu Tiegħu. Dan huwa minnu għal kull persuna li xi darba twieldet fid-dinja.

Kif qed taraw, l-ismijiet “ħuna” u “oħtna” mhumiex sempliċiment mod kif nilqgħu lil xulxin bħala ħbieb jew biex nuru l-affezzjoni tagħna bejnietna. Huma espressjonijiet ta’ verità eterna. Alla huwa letteralment Missier l-umanità kollha; aħna lkoll parti mill-familja eterna Tiegħu. Peress li Huwa jħobbna b’ imħabba ta’ Missier perfett, Huwa jridna nagħmlu progress u navvanzaw u nsiru bħalu. Huwa ordna li jsir pjan li permezz tiegħu aħna nkunu nistgħu niġu hawn fid-dinja, bħala parti minn familja, u ngħaddu minn ċerti esperjenzi li jħejjuna biex nerġgħu lura għandu u ngħixu kif jgħixu Hu.

L-element ċentrali ta’ dan il-pjan kien il-wegħda li Ġesù Kristu joffri lilu nnifsu bħala sagrifiċċju, biex isalvana mid-dnub u l-mewt. Il-ħidma tagħna f’ dan il-pjan hi li naċċettaw is-sagrifiċċju tas-Salvatur billi nobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-evanġelju. Intom u jien diġà aċċettajna dan il-pjan. Fil-fatt, meta sirna nafu dwaru aħna fraħna, minkejja li dan kien ifisser li aħna kellna nħallu l-preżenza ta’ Missierna u ninsew dak kollu li aħna konna esperjenzajna hemmhekk Miegħu.

Iżda aħna ma ġejniex mibgħutin hawnhekk bla ebda direzzjoni ta’ xejn. Ilkoll kemm aħna ġejna mogħtija porzjon mid-dawl ta’ Alla, li nsejħulu “id-Dawl ta’ Kristu,” biex jgħinna niddistingwu bejn it-tajjeb u l-ħażin, x’inhu sewwa u x’inhu le. Huwa għalhekk li anke dawk li jgħixu din il-ħajja bi ftit jew xejn għarfien tal-pjan tal-Missier jistgħu wkoll iħossu xi ftit, ġewwa qalbhom, li ċerti għemejjel huma ġusti u moralment tajbin filwaqt li oħrajn mhumiex.

Is-sens tagħna ta’ x’inhu tajjeb jew ħażin ikun l-aktar intens speċjalment meta aħna nkunu qed inrabbu lil uliedna. Kważi l-ġenituri kollha għandhom fihom ix-xewqa li jgħallmu lil uliedhom ċerti virtujiet morali. Dan hu parti mill-miraklu tal-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet. Huwa jrid li wliedu jiġu hawn fid-dinja u jimxu wara l-mudell etern tal-familji li kien jeżisti fis-smewwiet. Il-familji huma l-unit organizzattiv bażiku fis-smewwiet, u għalhekk Huwa jrid li huma jkunu wkoll il-unit bażiku f’ din id-dinja. Minkejja li m’hemmx dubju li l-familji tagħna fid-dinja mhumiex perfetti, huma jagħtu lil ulied Alla l-aqwa ċans li huma jiġu milqugħin hawn fid-dinja bl-unika imħabba f’ din id-dinja li tersaq daqsxejn viċin l-imħabba li aħna konna nħossu fis-smewwiet—l-imħabba tal-ġenituri. Il-familji huma wkoll l-aqwa mod kif aħna nistgħu nippreservaw u ngħaddu l-virtujiet morali u l-prinċipji vera li l-aktar jistgħu jwassluna lura fil-preżenza ta’ Alla.

Se tkun biss minoranza żgħira ħafna minn fost ulied Alla kollha li se niksbu f’ din il-ħajja għarfien sħiħ tal-pjan ta’ Alla, flimkien ma’ aċċess għall-ordinanzi u l-patti tas-saċerdozju li jwasslu biex il-qawwa tal-att tal-fidwa tas-Salvatur tkun tista’ taħdem verament f’ ħajjitna. Anke dawk li għandhom ġenituri mill-aktar twajbin u li jgħixu b’ fedeltà skont id-dawl li huma ġew mogħtija jista’ jkun li huma qatt ma jisimgħu dwar Ġesù Kristu u dwar l-Att tal-Fidwa Tiegħu, jew jafu qatt ma jiġu mistednin biex jitgħammdu f’ ismu. Dan huwa minnu għal għad kbir ta’ miljuni minn ħutna li għexu tul l-istorja twila tad-dinja.

Xi wħud jafu jħarsu lejn dan bħala inġustizzja. Jafu saħansitra jħarsu lejha bħala evidenza li ma jeżisti l-ebda pjan, l-ebda ħtiġijiet speċifiċi għas-salvazzjoni—iħossu li Alla ġust li verament iħobb lil uliedu żgur ma kienx se joħloq pjan li jkun disponibbli biss għal parti żgħira minn l-istess uliedu. Oħrajn jafu jikkonkludu li Alla jista’ jkun li kien għażel minn qabel minn fost uliedu lil min Huwa kien se jsalva u jwassal l-evanġelju, filwaqt li dawk li qatt ma semgħu bl-evanġelju sempliċiment ma kinux fost dawn il-“magħżulin.”

Iżda jien u intom nafu tajjeb, minħabba l-veritajiet irrestawrati permezz tal-Profeta Joseph Smith, li l-pjan ta’ Alla huwa pjan ferm aktar ta’ mħabba u ġust minn hekk. Missierna tas-Smewwiet jinsab anzjuż li jiġbor u jbierek il-familja kollha Tiegħu. Filwaqt li Huwa jaf li huma mhux kollha se jagħżlu li ninġabru, il-pjan Tiegħu jagħti lil kull wieħed u waħda minn uliedu l-opportunità li jaċċettaw jew le l-istedina Tiegħu. U l-familji huma fil-qalba ta’ dan il-pjan.

Għadd ta’ sekli ilu, il-profeta Malakija qal li f’ xi jum mhux ‘il bogħod, Alla kien se jibgħat lil Elija biex “idawwar qalb il-missirijiet lejn uliedhom u qalb l-ulied lejn missirijiethom” (Malakija 4:6).

Din il-profezija tant kienet importanti li s-Salvatur kkwotaha meta Huwa żar il-Kontinent Amerikan wara l-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet (ara 3 Nephi 25:5–6). U meta l-anġlu Moroni żar lill-Profeta Joseph Smith, huwa wkoll kkwota l-profezija dwar Elija u l-qlub, il-missirijiet u l-ulied (ara Joseph Smith—History 1:36–39).

Illum hu l-1 ta’ April. Fi żmien jumejn oħra, fit-3 ta’ April, se nfakkru l-181 sena mill-jum meta ġiet fis-seħħ il-profezija ta’ Malakija. F’ dak il-jum, ġie Elija, u huwa ta lil Joseph Smith il-qawwa tas-saċerdozju li jissiġilla l-familji flimkien għall-eternità (ara D&C 110:13–16).

Minn dak inhar sal-lum, l-interess li wieħed jesplora l-istorja tal-familja tiegħu kiber enormi. B’ rata li aktar ma’ tmur aktar qed tikber, in-nies jidhru li qed jersqu aktar viċin l-antenati tagħhom u li dan huma qed jagħmluh mhux sempliċiment biss b’ kurżità. Il-libreriji, l-assoċjazzjonijiet u t-teknoloġiji ġeneoloġiċi llum sirt issibhom ma’ kullimkien fid-dinja biex jissapportjaw dan l-interess. Il-qawwa tal-internet biex jgħin fil-komunikazzjoni waslet biex illum numru ta’ familji jistgħu jaħdmu flimkien fir-riċerka tagħhom tal-istorja tal-familja b’ ċerta ħeffa u reqqa li qatt ma kienet possibbli qabel.

Għalfejn qed iseħħ dan kollu? Minħabba li m’għandniex terminu aħjar, aħna dan insejħulu “l-ispirtu ta’ Elija.” Nistgħu nsejħulu wkoll “it-twettiq ta’ profezija.” Jiena naqsam magħkom it-testimonjanza tiegħi li Elija verament ġie. Il-qalb tal-ulied—tiegħi u tagħkom—daret lejn qalb missirijietna, l-antenati tagħna. L-affezzjoni li intom tħossu għall-antenati tagħkom hija parti mit-twettiq ta’ dik il-profezija. Għandha l-bażi profonda tagħha fis-sens ta’ min intom verament. Iżda din hija ferm aktar mis-sempliċiment DNA li aħna nirtu mill-antenati tagħna.

Per eżempju, hekk kif intom timxu wara s-suġġerimenti biex intom titgħallmu aktar dwar l-istorja tal-familja, intom tafu tiskopru kemm intom verament tixbhu lil xi antenat tagħkom fil-bogħod jew inkella li dan l-antenat kellu l-istess interess li għandkom intom fejn jidħlu kotba jew bħalkom kellu t-talent tal-kant. Din taf tkun ħaġa mill-aktar interessanti u saħansitra intuwittiva. Iżda jekk il-ħidma tagħkom tieqaf hawn, intom tħossu li hemm xi ħaġa nieqsa. Dan għaliex biex aħna niġbru u ngħaqqdu flimkien il-familja ta’ Alla jeħtieġ minna li aħna nħossu fina ferm aktar minn sempliċiment sentimenti ta’ affezzjoni lejhom. Jeħtieġ li aħna nwettqu ċerti patti sagri b’ konnessjoni mal-ordinanzi tas-saċerdozju.

Ħafna mill-antenati tagħkom qatt ma rċevew dawk l-ordinanzi. Iżda, grazzi għall-providenza ta’ Alla, intom irċevejtuhom. U Alla kien jaf li intom se tħossu fikom affezzjoni ta’ mħabba lejn l-antenati tagħkom u li intom se jkollkom it-teknoloġija neċessarja biex tidentifikawhom. Huwa kien jaf ukoll li intom se tgħixu fi żmien meta l-aċċess għat-tempji mqaddsa, fejn jiġu mwettqa dawn l-ordinanzi, se jkun akbar milli qatt kien qabel fl-istorja twila tad-dinja. U Hu kien jaf li Huwa seta’ jafda fikom biex twettqu din il-ħidma f’ isem l-antenati tagħkom.

Bla dubju, dan kollu jġib miegħu għadd ta’ responsabbiltajiet urġenti u importanti li jeħtieġu l-attenzjoni sħiħa u l-ħin tagħna. Ilkoll kemm aħna niltaqgħu ma’ ħwejjeġ li l-Mulej jistenna minna li nwettqu li aħna nħossu li m’aħniex kapaċi nwettquhom. Fortunatament, il-Mulej ipprovda lil kull wieħed u waħda minna mod kif aħna nistgħu niksbu l-kunfidenza u s-sodisfazzjon fis-servizz kollu tagħna, inkluż is-servizz tal-istorja tal-familja. Aħna niksbu l-qawwa biex inwettqu dak li Huwa jitlob minna permezz tal-fidi tagħna illi s-Salvatur ma jagħtina l-ebda kmandament “mingħajr ma l-ewwel huwa jħejji għalina mod kif nistgħu nwettqu dik il-ħaġa li qed jitlob minna” (1 Nephi 3:7).

Jien naf li dan huwa minnu mill-istess esperjenza personali tiegħi. Bosta snin ilu, meta jien kont għadni student universitarju, jiena ltqajt ma’ wieħed raġel li kien jaħdem ma’ waħda mill-akbar kumpaniji tal-kompjuters fid-dinja. Dan kien fl-ewwel żminijiet tal-kompjuters, u kien ġara li nies mill-kumpanija tiegħu kienu bagħtuh ibiegħ il-kompjuters lill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.

Milli stajt nifhem dan il-raġel ma kienx jagħmel parti minn xi reliġjon partikolari. Madankollu b’ għaġeb u b’ sorpriża huwa qal, “F’ din il-knisja qegħdin jagħmlu dik li huma jsejħuha ‘ġeneoloġija,’ ifittxu l-ismijiet ta’ nies li huma mejtin, jippruvaw jidentifikaw l-antenati tagħhom. Dawn in-nies, fil-maġġoranza tagħhom nisa, rajthom jiġru madwar l-armarji, ifittxu ċerta informazzjoni qalb numru kbir ta’ biljetti żgħar.” Jekk niftakar sew, huwa qal li n-nisa kienu lebsin żraben tat-tennis biex ikunu jistgħu jħaffu aktar. Huwa kompla, “Hekk kif jiena rajt il-kobor ta’ dak li kienu qed jippruvaw jagħmlu, jiena rrealizzajt li jien irnexxieli niskopri r-raġuni għall-invenzjoni tal-kompjuters.”

Nista’ ngħid li sa ċertu punt huwa kien korrett. Il-kompjuters kienu se jkunu parti importanti mill-futur tal-ħidma tal-istorja tal-familja—biss mhux il-kompjuters li kien qed ibiegħ hu. Mexxej ispirat tal-Knisja kien għażel li ma jixtrix il-kompjuters tiegħu. Il-Knisja baqgħet tistenna sa żmien li fih tkun disponibbli teknoloġija li f’ dawk iż-żminijiet lanqas biss konna nimmaġinawha. Iżda jiena tgħallimt tul is-snin li ġew wara li lanqas l-aqwa teknoloġija ma tista’ tieħu post ir-rivelazzjoni mis-smewwiet, it-tip ta’ rivelazzjoni li kien irċieva dak il-mexxejj tal-Knisja. Din hija ħidma spiritwali, u l-Mulej imexxiha permezz tal-Ispirtu s-Santu Tiegħu.

Ftit ġimgħat ilu, jiena kont qed naħdem fuq l-istorja tal-familja tiegħi b’ konsulent ħdejja u ieħor jgħinna fuq it-telefon. Fuq l-iskrijn tal-kompjuter li kelli quddiemi kelli problema li jiena ma kontx kapaċi nsolviha waħdi. Quddiemi kelli żewġ ismijiet, mibgħuta lili permezz tal-meravilja tat-teknoloġija, ta’ nies li setgħu kienu qegħdin jistennew għall-ordinanzi tat-tempju. Iżda l-problema kienet li minkejja li l-isimijiet kienu differenti kelli raġuni valida li naħseb illi fil-fatt kienu l-istess persuna. Xogħli kien li nara x’ kienet il-verità.

Jiena tlabt lill-konsulenti tiegħi biex jgħiduli. Huma qalu, “Le, jeħtieġ li inti tagħmel għażla.” U huma kienu konvinti li jien kont se nsir naf il-verità. Il-kompjuter, bil-qawwa u l-informazzjoni kollha tiegħu, ħallieni bil-barka li nibqa’ niċċassa lejn dawk l-ismijiet fuq l-iskrijn, nevalwa l-informazzjoni disponibbli, infittex permezz ta’ aktar riċerka, nitlob fis-skiet u niskopri x’ kienet il-verità. Hekk kif bdejt nitlob, jiena sirt naf b’ ċertezza x’ kelli nagħmel—l-istess kif għamilt f’ sitwazzjonijiet oħra meta kont neħtieġ li nafda fl-għajnuna tas-smewwiet biex insolvi xi problema.

Aħna ma nafux x’ meravilji Alla se jispira lill-bnedmin biex joħolqu ħalli jgħin fil-ħidma Tiegħu tal-ġabra tal-familja Tiegħu. Iżda jkollna kemm ikollna invenzjonijiet meraviljużi, l-użu tagħhom biss mhux biżżejjed iżda jeħtieġ ukoll li l-Ispirtu jaħdem f’ nies bħalkom u bħali. Din m’għandhiex tkun ħaġa li tissorprendina. Wara kollox, dawn huma wlied Alla mill-aktar għeżież għalih. Huwa jibgħat kwalunkwe ispirazzjoni meħtieġa biex lilhom jagħtihom l-opportunità li jerġgħu lura għandu.

F’ dawn l-aħħar snin, iż-żgħażagħ tal-Knisja wieġbu għall-ispirtu ta’ Elija b’ mod li verament jispirak. Illum huma ħafna fosthom li għandhom rakkomandazzjoni tat-tempju għal użu limitat u spiss jagħmlu użu minnha. Il-battisterji tat-tempju qed jintużaw aktar minn qatt qabel; xi tempji kellhom saħansitra jirranġaw l-iskedi tagħhom biex jakkomodaw in-numru dejjem jikber ta’ żgħażagħ li qed jattendu t-tempju.

Qabel kienet tkun ħaġa mill-aktar rari li ż-żgħażagħ jieħdu magħhom fit-tempju l-ismijiet tal-antenati tagħhom. Illum din saret ħaġa normali, u ħafna drabi huma ż-żgħażagħ stess li jsibu lil dawn l-antenati tagħhom.

Barra minn hekk, ħafna żgħażagħ skoprew li d-dedikazzjoni tal-ħin tagħhom biex fih huma jwettqu r-riċerka tal-istorja tal-familja u l-ħidma tat-tempju wasslithom biex huma jkabbru t-testimonjanza tagħhom tal-pjan tas-salvazzjoni. Wasslithom biex iħossu aktar l-influwenza tal-Ispirtu f’ ħajjithom u jħossu anqas l-influwenza tal-avversarju. Għenithom iħossuhom aktar viċin tal-familji tagħhom u tal-Mulej Ġesù Kristu. Huma tgħallmu li din il-ħidma ma ssalvax biss lill-mejtin; issalva lilna lkoll (ara D&C 128:18).

Iż-żgħażagħ, b’ mod ammirabbli, irnexxielhom jiksbu perspettiva xierqa ta’ din il-ħidma; issa huwa sta għall-ġenituri tagħhom li jagħmlu l-istess. Huma ħafna n-nies li aċċettaw il-magħmudija fid-dinja tal-ispirti minħabba l-ħidma li wettqu ż-żgħażagħ, u huma jinsabu jistennew li jitwettqu l-ordinanzi l-oħra li l-adulti biss jistgħu jwettqu fit-tempji madwar id-dinja. Il-ħidma tal-ġabra tal-familja ta’ Missierna tas-Smewwiet mhijiex biss għaż-żgħażagħ, u mhijiex biss għan-nanniet. Hija għal kulħadd. Aħna lkoll qegħdin naħdmu għal din il-ġabra.

Din hija l-ħidma tal-ġenerazzjoni tagħna, dik li l-Appostlu Pawlu sejħilha “id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet,” meta huwa qal li Alla “se jiġbor taħt Ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fis-sema u kull ma hu fl-art” (Efesin 1:10). Dan huwa possibbli permezz tal-ħidma tal-fidwa tal-Iben il-Maħbub ta’ Alla, Ġesù Kristu. Grazzi għalih, il-membri tal-familja tagħna, “li darba kienu ‘l bogħod, issa tqarrbu bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu. Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna” (Efesin 2:13–14). Intom dan ħassejtuh, kif ħassejtu jiena, meta intom esperjenzajtu ġewwa fikom sentiment akbar ta’ mħabba hekk kif intom waqaftu tħarsu lejn ritratt ta’ xi wieħed mill-antenati tagħkom. Intom dan ħassejtuh ġewwa t-tempju meta l-isem ta’ fuq il-biljett kien bħallikieku ferm aktar minn sempliċiment isem, u intom ma stajtux ma tħossux li dik il-persuna kienet konxja tagħkom u intom verament ħassejtu l-imħabba tagħha.

Jiena nixhed li Alla l-Missier irid li uliedu jerġgħu lura d-dar, bħala familji u fi glorja. Is-Salvatur jgħix. Huwa jmexxi u jbierek din il-ħidma u Huwa jħarisna u jiggwidana. Huwa jirringrazzjakom għas-servizz fidil tagħkom fil-ġabra tal-familja ta’ Missieru, u jiena nwegħidkom l-għajnuna ispirata li intom tkunu qed tfittxu u li tkunu teħtieġu. F’ isem Ġesù Kristu, amen.