Messaġġ ta’ Kull Xahar Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ, Settembru 2025
Ġesù Kristu Huwa Wkoll għaż-Żminijiet it-Tajbin
Meta l-affarijiet imorru tajjeb, kif nistgħu nibqgħu ffokati fuq is-Salvatur? Dawn li ġejjin huma xi ftit ideat.
Immaġinaw xi ħabib li jqatta’ ħin miegħek biss meta jinsab għaddej minn żmien diffiċli u jevitawk meta jinsab kuntent. Relazzjoni b’saħħitha? Mhux tassew.
Aħna dejjem nagħmlu dan mas-Salvatur tagħna—infittxuh fi żminijiet diffiċli u ninsewh fiż-żminijiet tajbin?
Aħna nitkellmu ħafna dwar kif Ġesù Kristu jgħinna tul iż-żminijiet diffiċli tagħna, probabbilment għaliex kulħadd, f’xi żmien jew ieħor, jiffaċċja ħwejjeġ diffiċli.
Iżda hemm żmien—ġimgħat jew snin anke, jekk inkunu xxurtjati—fejn l-affarijiet se jmorru tajjeb. Xi kultant aħna ninsew lis-Salvatur f’dawk iż-żminijiet. Hekk għamlu l-popli tal-Ktieb ta’ Mormon. Għal xi żmien huma tkattru permezz tal-barkiet ta’ Alla iżda eventwalment spiċċaw vittmi tal-kburija meta huma nsewh.
Żminijiet tajbin ma jfissrux li f’daqqa waħda m’għandniex bżonn aktar lil Ġesù Kristu. Iż-żminijiet ta’ prosperità huma ż-żminijiet perfetti biex nifirħu mas-Salvatur, mhux biex ninsewh.
Għalhekk kif nistgħu nibqgħu konnessi ma’ Ġesù Kristu u ma’ Missierna fis-Smewwiet meta l-isfidi ma jfakkruniex biex induru lejhom?
Ibqgħu Umli
Meta l-affarijiet imorru tajjeb, huwa tajjeb li tiċċelebraw il-barkiet u l-kisbiet tagħkom. Iżda tinsewx min għamilha possibbli għalikom li tkunu fejn tinsabu. Is-Sultan Benjamin poġġieha b’dan il-mod fid-diskors tiegħu fil-Ktieb ta’ Mormon:
”Għax araw, aħna mhux kollha tallaba? Aħna mhux ilkoll niddependu fuq l-istess Esseru, sewwasew Alla, għas-sustanza kollha li għandna, kemm għall-ikel kif ukoll għal ħwejjiġna, għad-deheb, u għall-fidda, u għar-rikkezzi kollha li għandna ta’ kull tip?” (Mosija 2:17).
Li tkunu umli dwar is-suċċess tagħkom billi tiftakru dak li għamlu għalikom Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu huwa mod tajjeb ħafna kif intom tinkluduhom fi żminijiet tajba tagħkom.
Ibqgħu Grati
Il-gratitudni hija waħda mill-aqwa antidotu kontra l-kburija u t-tendenza li ninsew. Li nirringrazjaw lil Alla jgħinkom tiftakru fih u t-tajjeb kollu li Hu u Ibnu jagħmlu f’ħajjitkom. Dan hu effettiv fi żminijiet tajbin daqs kemm hu effettiv fi żminijiet diffiċli.
Ibqgħu Konxji
Wieħed mill-attakki favoriti ta’ Satana hu li ”jikkalma, u jinganna[kom] b’sens falz ta’ sigurtà karnali,” (2 Nefi 28:21). Fi kliem ieħor, huwa jieħu pjaċir jekk intom ħassejtukom daqshekk sodisfatti u siguri fiż-żminijiet tajbin tagħkom tant li nsejtu dak li hu l-aktar importanti. Għalhekk, tinsewx lil Alla! Meta intom tibqgħu konxji tan-nasbiet sbieħ tal-avversarju u tirreżistuhom anke waqt iż-żminijiet tajbin tagħkom, intom tistgħu tibqgħu viċin Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu.
The Good Shepherd, ta’ Michael Malm
Ibqgħu Ċċentrati fuq Kristu
Il-President Russell M. Nelson għallem: “Meta f’ħajjitna aħna niffokaw fuq il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla … u fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-ferħ minkejja dak kollu li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna.” Il-ferħ jiġi mingħandu u minħabba fih. Huwa s-sors ta’ kull ferħ.”
Kemm-il darba taħsbu dwar din il-verità dwar il-ferħ meta l-ħajja tkun sejra tajjeb? Dan mhuwiex sempliċiment parir ta’ faraġ għal meta l-affarijiet ikunu diffiċli. Huwa veru dejjem, inkluż fl-aqwa jiem tiegħek. Għalhekk agħmlu dak kollu li tistgħu biex tiffukaw fuq Kristu, sew fi żminijiet tajbin, sew f’dawk ħżiena.
© 2025 minn Intellectual Reserve, Inc. Id-drittijiet kollha riservati. Stampat fl-Istat Uniti. Approvazzjoni bl-Ingliż: 6/19. Approvazzjoni tat-traduzzjoni: 6/19. Traduzzjoni ta’ Monthly For the Strength of Youth Message, September 2025. Maltese. 19626 159